Anzjan ta’ 70 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata sentenza sospiża wara li l-Qorti sabitu ħati li weġġa’ serjament lil martu li magħha m’għadux jgħix waqt inċident ta’ vjolenza domestika f’April tal-2019. Il-Qorti semgħet lill-mara tixhed li l-inċident seħħ hekk kif kienet se toħroġ mid-dar.
Anke jekk l-eks raġel tagħha ma kienx jgħix hemm peress li kien telaq mid-dar matrimonjali, inzerta kien barra d-dar meta hi kienet se titlaq. Hu qalet li huwa beda jsawwatha, jagħtiha bil-ponn bl-addoċċ u taha diversi daqqiet ta’ sieq fl-istonku tagħha, u b’hekk kisrilha subgħajha hekk kif ippruvat tipproteġi lilha nnifisha mill-attakk.
L-espert mediku tal-qorti Mario Scerri nnota li s-saba’ nkisser b’tali mod li qatt ma jista’ jerġa’ jiġi lura għan-normal. Rappreżentant mill-Victim Support Unit tal-pulizija qal li kienu qed isegwu lill-mara peress li ġew infurmati bl-inkwiet bejn il-koppja u l-vittma kienet tibża’ minn żewġha minħabba li kien vjolenti magħha.
Ir-raġel xehed li kienet l-eks mara tiegħu li l-ewwel tahtu daqqa ta’ ħarta meta qaltlu li ma kinitx se tiffirma l-karti tas-separazzjoni. Hu ammetta li kellu żewġ każi oħra fuq inċidenti simili mal-eks martu. Il-Maġistrat Monica Vella qalet li mhux se tkun qed tieħu nota tax-xhieda tan-neputi wara li ddeċidiet li ma kienx xhud ta’ min jafdah, peress li l-verżjoni tiegħu tal-avvenimenti ma ġiet ikkorroborata minn ebda xhieda l-oħra.
Il-maġistrat remiet għal kollox ir-rakkont tar-raġel li qal kien qed jaġixxi bħala ‘self defence’ għax il-provi wrew mod ieħor. Hija kkundannatu 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Hija wissiet lir-raġel li kien se jiġi mmultat €2,000 jekk fi żmien sena jerġa’ jmolesta lill-vittma.
L-ispettur Alfredo Mangion mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit kienu l-avukati difensuri.