Internazzjonali

Il-Bolivja: Dulluvju ta’ xita kontinwa…fost l-effetti qattiela

Il-mijiet tal-ibliet u l-villaġġi fil-Bolivja jinsabu taħt allert kontinwu minħabba x-xita interminabbli li nieżla fuq dan il-pajjiż Latin Amerikan, fost il-konsegwenzi diżastrużi. L-awtoritajiet qalu, intant, li minn Novembru ‘il hawn mietu  ‘il fuq minn 40 b’kaġun tax-xita li xprunat il-valangi tal-art u ‘għargħar sistematiku’ mix-xmajjar.

Iċ-ċifra tal-mewt b’kaġun tal-elementi hi tmien darbiet ogħla mill-istess perjodu matul is-sena li għaddiet – bl-awtoritajiet qed jissorveljaw b’ansjetà lid-diversi digi li kapaċi jisfrondaw taħt il-piż tal-ilma.

Talanqas għaxra fost it-340 muniċipalità jinsabu fuq l-ogħla stat ta’ allert – b’279 oħra qed isegwu ‘orange alert’, li hu t-tieni l-ogħla livell qabel stat ta’ emerġenza. Dan ukoll meta qed tintbagħat l-għajnuna umanitarja lejn l-inħawi ta’ Achocalla, fil-provinċja ta’ La Paz u li ntlaqtet mill-gliegel tat-tajn li koprew lil diversi djar.