Għawdex Lokali

Il-Gvern ibiddel ir-regoli dwar l-għoli tal-bini fl-istess jum li fih ħareġ iċ-ċirkulari dwar Għawdex

...issa qed jgħid li din hi konsultazzjoni

L-għaqda mhux governattiva ‘Għawdix’ kixfet il-mossa tal-Gvern li jrid ibiddel ir-regoli dwar l-għoli tal-bini f’pajjiżna. Dan hekk kif issa l-limitu, li qabel kien regolat b’sulari, se jibda jiġi imkejjel b’metri – u allura, żviluppatur jista’ jdaħħal iktar sulari li jkollhom inqas metri.

Iċ-ċirkulari partikolari minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar li tbiddel l-għoli tal-bini hija it-tieni waħda tal-2024 (2/24). Bil-Gvern jgħid li dan huwa proċess ta’ konsultazzjoni.

‘Għawdix’ qed tistaqsi jekk din il-mossa saritx apposta minn naħa tal-Gvern u l-Awtorità tal-Ippjanar biex tinħeba qalb il-propaganda li kien hemm dwar il-liġi l-ġdida tal-faċċati f’Għawdex – li issa, jridu jinbnew bil-franka.

L-għaqda tfakkar kif tul is-snin ħarġu diversi linji gwida għal min jibni, iżda dejjem inżammet prassi biex l-iżviluppatur jimxi man-numru ta’ sulari. Għalkemm kollox inbidel fl-2015 – fi żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – meta l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dawn il-linji gwidi saru “prattika informali”.

Issa, b’din iċ-ċirkolari, il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex din tal-metri tkun regolata u tidħol fil-Local Plans – xi ħaġa li skont l-għaqda Għawdxija tmur eżatt l-oppost tal-ħafna ftaħir li smajna fl-aħħar jiem minn naħa tal-Ministru Clint Camilleri.

‘Għawdix’ tinsisti li din il-mossa se żżid id-densità tal-popolazzjoni fil-gżira Għawdxija; bi spazji fejn ngħixu jsiru aktar żgħar u limitati. Għalhekk, appellaw b’saħħa biex jitħares il-wirt uniku ta’ Għawdex u fuq kollox ma tibqax issir aktar ħsara lill-kawlità tal-ħajja tal-Għawdxin.