Topni Bezzina, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-gvern Malti ma nnegozjax favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin dwar l-aħħar regoli tal-UE li se jolqtu b’mod negattiv lill-bdiewa u raħħala.
Toni Bezzina qal li l-aqwa gwardjani tal-klima huma propju l-bdiewa u sostna lil-bdiewa u r-raħħala pprotestaw għaliex leħinhom ma twassalx mill-gvern fl-UE. Hu sostna li kull pajjiż għandu l-partikolaritajiet tiegħu u kull gvern għandu jassigura li jissalvagwarda dawn il-partikolaritajiet.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ li skont regoli tal-UE, suppost l-użu tal-bexx u l-fertilizzant kellhom jonqsu b’50% u b’25% rispettivament u spjega li l-gvern Malti – permezz tal-Ministru Refalo – ivvota fvur din il-liġi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern Malti ivvota wkoll favur regola oħra tal-UE li biha l-bdiewa ma jkunux jistgħu jibqgħu jaħdmu 10% tal-art.
Hu sostna li hemm ukoll regoli dwar annimali li jinżammu fil-gaġġeġ fejn sal-2027 dawn ma jistgħux jibqgħu jinżammu fil-gaġġeġ. Jekk din il-liġi tgħaddi, l-effetti fuq l-industrija Maltija jkunu li l-irziezet Maltin iridu jikbru b’10 darbiet. Dan hu impossibbli għal pajjiż bħal Malta għaliex tkun trid tittieħed ammont kbir ta’ art mill-ODZ inkella l-irziezet ikollhom jingħalqu.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ministru kien wiegħdu li l-gvern qiegħed f’diskussjonijiet mal-UE biex tinkiseb deroga fuq diversi aspetti. Hu sostna li suppost kellhom isiru l-istudju dwar nuqqas ta’ fertilizzant b’25% u spjega li l-gvern Malti kellu jinsisti fuq il-pożizzjoni u r-realtà ta’ Malta biex dawn ir-regoli ma’ jidħlux. Toni Bezzina qal li r-regola li 10% tal-art ma tinħadimx ma tistax tkun aċċettabbli għall-bidwi Malti.
Toni Bezzina kompla li l-gvern Malti qed iġib l-argument li l-agrikoltura hu settur sekondarju għall-pajjiż minħabba li dan jippropduċi 3% tal-prodott gross domestiku. Dan mhux argument validu, sostna d-deputat Nazzjonalista għaliex terz tat-territorju ta’ Malta hu fil-fatt art agrikola li tinħadem; għalhekk din l-industrija hi waħda primarja għall-pajjiż.
Toni Bezzina qal li ma jkunx tajjeb li mill-pajjiż tinqered l-agrikoltura lokali u kollox jibqa’ jkun importat minn barra. Dan iwassal biex, fost l-oħrajn, ikun hemm żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel.
L-inkwiet prinċipai tal-bdiewa u r-raħħala hu l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli għakemm il-bdiewa lesti jikkompetu ma’ prodotti tal-UE iżda ma jaċċettawx li jridu jikkompetu wkoll ma’ prodotti ġejjin barra l-UE.
Id-deputat Nazzjonalista qal li prodotti importati minn pajjiżi minn barra l-UE qed ikunu ta’ livell inferjuri u mhux ikunu mnaddfa sew mill-ħamrija meta dan jista’ jikkawża problemi ta’ mard. Jeħtieġ isiru l-kontrolli neċessarji biex l-importazzjoni tkun ittestjata u jsiru l-kwaratini neċessarji biex il-prodott ikun garantit u jkun hemm level playing field mal-bdiewa Maltin.
Hu kkritika s-sussidju li l-gvern se jħallas fl-ammont ta’ €250 għal kull tomna art li ma tinħadimx. Din se tikkaġuna diffikultajiet għaliex issa se tkun impossibbli biex din tinħadem mill-bdiewa. Is-sussidju għandu jingħata lil min jaħdem ir-raba’ u mhux lil min ma jaħdimhiex.
Hu qal li r-riforma fil-kiri tar-raba’ kien pass ‘il quddiem għalkemm l-Oppożizzjoni ma qablitx fuq kollox. Għadna lanqas bdejna sostna, Toni Bezzina, għaliex għad trid issir il-klassifikazzjoni tal-bdiewa biex ikunu identifikati l-bdiewa ġenwini biex jingħataw l-għajnuna, jsir reġistru ta’ art privata u reġistru ta’ art tal-gvern. Din l-art qed tinkera bi €3,000/€3,500 t-tommna; sitwazzjoni li żgur il-bdiewa ma jistgħux jikruha. L-art agrikola għandha tkun immexxija mill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd, sostna Toni Bezzina.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm entitajiet li m’humiex jgħinu biex xagħri jkun konveritit f’art agrikola. Hu qal li jekk jispiċċaw il-bdiewa u r-raħħala, il-pajjiż ma jibqgħalhux min jipproduċi l-ikel; għalhekk hu obbligu ta’ kulħadd li dawn ikunu mgħejjuna.