Mark Anthony Sammut, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fil-parlament li l-gvern qed ifalli fil-miri dwar il-klima.
Mark Anthony Sammut qal li l-Awtorità dwar il-Klima kienet proposta mill-PN ħames snin ilu, iżda l-gvern kien ivvota kontra din l-Awtorità għaliex qal li diġà kien hemm ambaxxatur.
Iżda llum il-gvern qed jipproponi propju hu din l-Awtorità wara dak li seħħ is-sajf li għadda meta l-pajjiż kellu l-kriżi tal-qtugħ tad-dawl.
Il-gvern kien waħħal fil-cables meta fil-fatt kien il-gvern li ħalla pajjiż bla pjan b’popolazzjoni tikber u bla ma ħasbu għall-infrastruttura neċessarja.
Il-gvern kien qal li parti mis-soluzzjonijiet kienet it-twaqqif ta’ din l-Awtorità. Il-ftit li sar mill-gvern biex l-emerġenza fit-tibdil fil-klima tkun dikjarata tant li Malta hi wieħed mill-ftit pajjiżi Ewropej fejn l-emissjonijiet żdiedu bi 8% waqt li fl-Ewropa dawn naqsu. Il-pajjiżi wara Malta raw biss żidied bin-nofs f’dawn l-emissjonijiet tal-green house.
Mark Anthony Sammut qal li hemm 12-il pajjiż Ewropew li tkellu tkabbir ekonomiku iżda kellu tnaqqis fl-emissjonijiet. L-akbar komponent ta’ emissjonijiet hu l-enerġija bi 33% bil-gass LNG bħala s-sors primarju. Bla dubju li l-gvern għandu jinvesti iktar fl-enerġija rinovabbli u nadifa.
Issa l-gevrn ħareġ offerta għal impjant ta’ enerġija li jaħdem bid-diesel li jikkawża iktar emissjonijiet. Dan igiddeb l-istqarrijet tal-gvern li kien jgħid li investa fil-ġenerazzjoni tal-enerġija iżda issa jidher li l-gvern lanqas fil-ġenerazzjoni ma ħaseb.
Id-deputat Nazzjonalista qal li t-tieni komponent li jikkawża l-emissjoniet hu t-trasport bi 23%. Hu kompla li, minkejja dan, il-problema tat-traffiku kibret. L-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karrozzi tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet. Il-mira tal-gvern li sal-2030 jkun hawn 65,000 karozza jaħdmu bl-elettriku u tieqaf l-importazzjoni ta’ karozzi bil-petrol u d-diesel u ssir qalba għall-karozzi elettriku mhux se tintlaħaq.
Tant il-gvern hu bla pjan li fil-pajjiż għamel biss 372 charging point għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Dan mal-2030 suppost irid ikun hawn 6,500 charging point biex tintlaħaq il-mira tal-gvern stess iżda s’issa l-gvern m’għamel xejn fl-aħħar tliet snin biex jagħmel l-ewwel 1,200 charging point.
Id-deputat Nazjzonalista qal li l-gvern nieqes minn pjan u jinsab lura ħafna li jilħaq il-miri tiegħu. Minkejja dawn il-miri, għadhom jinfetħu iktar pompi tal-petrol. Problema oħra hi li ċ-charging points mhumiex ta’ min joqgħod fuqhom għaliex iktar ma jaħdmux milli jaħdmu.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern m’għandux rieda politika biex il-poplu jmur fid-direzzjoni ta’ karozzi elettriċi. It-trasport b’xejn ma ħeġġeġ lil ħadd biex juża t-trasport pubbliku flok il-karozzi privati. Jeħtieġ jinħolqu rotot ġodda tat-trasport pubbliku biex in-nies jużawh iktar. Importanti li jsir infuzar qawwi għaliex ċertu abbużi huma kaġun ta’ traffiku kbir.
Dwar trasport alternattiv, id-deputat Nazzjonalista qal li l-alternattiva tal-e-scooters falliet malajr meta din kienet opportunità mitlufa. Il-gvern ħalla liġi tal-ġungla għaliex din is-sistema ħolqot inkonvinjent li bih batew in-nies.
Hu semma’ r-roti u staqsa fhix waslet l-istrateġija nazzjonali dwar iċ-ċikliżmu biex iktar nies jużaw ir-roti b’mod sigur. Il-pajjiż m’għandux policy li tħares lill-persuni li jimxu fit-toroq fejn lanqas hawn biżżejjed zebra crossings.
Id-deputat Nazzjonalista qal li jeħtieġ bidla fil-mentalità tal-pajjiż quddiem l-isfidi.