L-eks-Ministru Iżraeljan għad-Difiża wissa lit-terroristi tal-Ħamas li l-qawwiet ta’ pajjiżu għandhom jibdew offensiva kbira fuq il-belt ta’ Rafah jekk it-terroristi ma jeħilsux lill-ostaġġi kollha li ilhom miżmuma f’Gaza għal xhur. Dan meta l-belt ta’ Rafah tinkludi numru ta’ bejtiet tat-terroristi minbarra li qed isservi bħala ‘l-aħħar refuġju’ għal xi 1.5 Palestinjan li qed jaħrbu mill-gwerra.
L-ultimatum lill-Ħamas – ikkonfermat minn Benny Gantz, membru tal-Kabinett tal-Gwerra ta’ Iżrael — hu validu sal-10 ta’ Marzu. Fl-istess ħin, din hi l-ewwel darba li Iżrael żvela ż-żmien meta t-truppi tiegħu jistgħu jidħlu f’Rafah, lejn in-nofsinar tal-Medda ta’ Gaza.
L-oppożizzjoni għal attakk kbir fuq Rafah qed tiżdied fost il-komunità internazzjonali, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għadha tinsisti biex ir-rappreżentanti tagħha jitħallew jidħlu fl-isptar ta’ Nasser, f’Khan Younis, biex jevalwaw is-sitwazzjoni, minbarra l-kundizzjoni tal-pazjenti.
Iżda Iżrael għadu jinsisti li l-Ħamas qed iżommu lill-ostaġġi Iżraeljani fl-isptarijiet kif ukoll fil-faċilitajiet mediċi l-oħrajn ta’ Gaza bħala ‘tattika tal-gwerra mill-aktar ċinika’.
Min-naħa tiegħu, Benny Gantz għamilha ċara li d-dinja – u fuq kollox il-Ħamas – ‘issa’ huma infurmati li f’sitwazzjoni fejn l-ostaġġi ma jinħelsux sal-10 ta’ Marzu, il-qawwiet Iżraeljani għandhom ikomplu bil-ġlied madwar kull zona ta’ Gaza u li jinkludu l-inħawi ta’ Rafah.
L-10 ta’ Marzu hu l-bidu tax-xahar qaddis tas-sawm għall-Musulmani magħruf bħala r-Ramadan.
//= $special ?>