Internazzjonali

Il-Jemen: L-aggressjoni tal-Houthi twassal għall-abbandun ta’ vapur tal-merkanzija

Il-membri tal-ekwipaġġ ta’ bastiment li kien qed ibaħħar fil-Golf ta’ Aden kienu kostretti li jabbandunawh wara li sfaw attakkati. Dan ukoll meta l-milizji tal-Houthi – alleati kbar tal-Iran u l-grupp Ħamas li jikkontrollaw il-parti l-kbira tal-Jemen — assumew responsabbiltà għall-attakk.

Kelliema għall-Houthi qalu li l-bastiment deher ‘qrib li jegħreq’ wara li ntlaqat mill-missili. Sar magħruf ukoll li l-bastiment ‘Rubymar’ għall-ġarr tal-merkanzija hu reġistrat ir-Renju Unit u qed ibaħħar taħt il-bandiera ta’ Belize.

Fl-istess ħin, is-sorsi qrib il-UK Maritime Trade Operations agency qalu li bastiment ‘mhux identifikat’ spiċċa abbandunat ‘il hinn mill-Jemen wara li ġarrab il-ħsarat dovuti għall-isplużjonijiet ikkaġunati mill-missili.

Il-milizji tal-Houthi ilhom l-aħħar xhur jisparaw il-missili u d-drones lejn il-vapuri kummerċjali fil-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden bħala ‘wirja ta’ solidarjetà’ mat-terroristi tal-Ħamas li ilhom minn Ottubru għaddejjin bi gwerra kontra Iżrael.

L-attakki wasslu biex ħafna kumpanniji tal-vapuri jużaw rotot differenti b’detriment għall-kummerċ bil-baħar…Dan meta madwar 12 fil-mija tal-kummerċ globali, sa ftit ilu, kien qed juża r-rotot fil-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden li llum saru l-akbar thedidda għall-attività marittima.