It-Tlieta 20 ta’ Frar, id-dinja tfakkar Jum il-Ġustizzja Soċjali sabiex kull pajjiż jassigura d-drittijiet universali ta’ kull persuna.
U propju biex tiġi diskussa din it-tema tant importanti, ix-Shadow Minister Ivan Bartolo sejjah konferenza fil-Kamra tal-Oppożizzjoni bejn diversi persuni mitħla fis-suġġett iddiskutew dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja soċjali.
Fost l-oħrajn, issemma kemm hu importanti li f’pajjiżna tirrenja l-governanza tajba sabiex nassiguraw li ċ-ċittadini – anzjani, tfal, u adulti – igawdu mir-rispett.
Dawk li pparteċipaw f’din il-Konferenza qasmu l-esperjenzi tagħhom meta ltaqgħu ma’ persuni li qed isofru kontinwament, anke f’darhom stess, iżda mhux isibu l-għajnuna li hi dritt għalihom. Inġibdet ukoll l-attenzjoni għan-nuqqasijiet li hawn f’kull settur f’pajjiżna fejn issemmiet l-importanza li mhux biss ikollna tkabbir ekonomiku iżda wkoll tkabbir fil-kwalità tal-ħajja.

Il-punti kollha li ħarġu minn din id-diskussjoni mistennija jiġu ppreżentati waqt seduta parlamentari nhar il-Ħamis li ġej.
Preżenti għal din il-Konferenza kien hemm fost l-oħrajn is-Shadow Minister, Stanley Zammit, il-membru tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista, Leone Sciberras u l-President tal-APAN, Joe Zahra.



Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>