Lokali Parlament

Il-klima u l-ambjent iridu jkunu salvagwardjati għall-futur


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-klima u l-ambjent jridu jkunu salvagwardjati għall-futur.


Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-ħolqien ta’ Awtorità dwar il-Klima, Bernard Gerch qal li hemm min jaħseb li t-tibdil fil-klima u ostaklu iżda għall-PN, din hi realtà li trid tkun indirizzata għaliex din hi opportunità li b’impenn politiku ċar, l-azzjoni dwarha tkun kumplimentari għal aktar progress ta’ poplu.


Hu sostna li b’diversi modi u bil-prinċipju tal-ESG, l-ekonomija tista’ tkompli tikber b’investiment fejn dawk li jinvestu jkunu parteċipi quddiem l-isfidi u l-obbligi internazzjonali ambjentali.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kwalità tal-ħajja għandha tkun protetta u mtejba fl-isfond tal-ġustizzja soċjali, governanza tajba u serjetà fit-texxija. It-tibdil fil-klima jpoġġi resoponsabblità serja u urġenti.


Il-PN ilu favur azzjonijiet urġenti dwar it-tibdil fil-klima tant li fl-2019, kien ressaq talba biex il-parlament jiddikjara stat ta’ emerġenza dwar it-tibdil fil-klima. Dak kollu li seħħ minn dak inhar ta raġun għal din it-talba tal-PN, sostna Bernard Gerch, li kompla li t-tnedija tal-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima hu pass fid-direzzjoni t-tajba.


Hu kompla li l-Gvern Nazzjonalista kien ħabbar din il-proposta favur il-klima fl-2012 u fl-2019 kien ippropona Aġenzja għat-Tibdil fil-Klima. Minkejja dan, il-gvern ħela iktar minn 10 snin b’detriment għall-ambjent u l-ekonmija Maltija.


Bernard Grech qal li t-tibdil fil-klima jeffettwa l-eknomija iżda l-Prim Ministru għadu ma fehem xejn jew irid iqarraq. Il-Green Deal hu pass fid-direzzjoni t-tajba iżda qed iweġġa’ lill-bdiewa u l-gvern mhux lest jassisti. L-istess se jiġri fit-tibdil fil-klima, fejn il-gvern ħela 10 snin.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-isforz quddiem it-tibdil fil-klima jrid ikun wieħed nazzjonali u sostna li l-PN kien għamel diversi proposti kif għandha titwaqqaf u topera din l-Awtorità. Hu tkellem dwar l-operat tal-uffiċjali tal-Awtorità u r-rabta li din irid ikollha mal-Kumitrat Parlamentari biex il-ħidma tkun ħolostika u konsistenti.


Il-Prim Ministru qed jgħid ħafna imma mhu jgħid xejn dwar x’għodda se jkollha din l-Awtorità biex tbiddel il-mudell ekonomiku li qed iħalli l-effetti tiegħu. Il-gvern għadu jisparpalja l-fondi tal-poplu f’ekonomija tal-ħela. It-tibdil fil-klima jirrikjedi iktar serjetà għaliex ma jistax ikun li dawk li jaħlu flus il-poplu jkomplu jistgħanew b’żidiedet enormi. Dan meta hemm familji li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern se jagħmel inċineratur tliet darbiet ikbar minn dak propost fl-2012. Hu semma’ l-ilma tal-pjan u qal li dwaru l-gvern m’għamel xejn fl-aħħar 10 snin.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li Malta waqgħet sitt postijiet fil-Climate Change Performance Index tal-2023 u għandha l-ogħla dipendenza fuq sosri ta’ enerġiji li jniġġsu fl-UE. Dan hu ċertifikazzjoni ta’ mistħija li għandu l-gvern. Il-pajjiż għandu obbligi internazzjonali ċari u definiti li mhumiex ikunu mwettqa.


Il-poplu qed iħossu fgat f’pajjiżu b’popolazzjoni li żdied bla plan u b’effetti fuq is-setturi kollha. Jeħtieġ li l-kosta tkun protetta u tkun restawrata is-sħubija naturali ta’ Malta u Għawdex.


L-ambjent hu partimonju fraġli u ma jappartejnix lill-poplu ta’ bħalissa biss iżda jappartejni wkoll lill-ġenerazzonijiet futuri. Id-deċiżjonijiet tal-lum jeffettwaw kif se jitħalla l-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet futuri. It-tbdil fil-klima jeħtieġ azzjoni u mhux paroli, sostna Bernard Grech, li estenda l-id tal-kollaborazzjoni għaliex din hi kwistjoni ‘l fuq mill-partiġġjaniżmu. Hu appella biex il-gvern jilqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima biex l-Awrtorità tkun iktar effettiva u tkun aġent kontra t-tibdil fil-klima.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Awtorità hi ftit wisq għaliex il-gvern irid jassigura li l-miri għall-2030/2050 jintlaħqu; għalhekk jeħtieġ azzjonijiet immedjati biex mill-pubbliċità l-gvern jgħaddi għall-azzjonijiet ta’ fejda għall-poplu. Jeħtieġ rieda politika biex dan iseħħ bi qbil għall-ġid tal-poplu, għal ulid il-poplu u għall-ġenerazzjonijiet futuri.