Lokali

Il-President George Vella ma jikkummentax dwar is-serqa tal-isptarijiet

Fi kliem il-President ta’ Malta George Vella, quddiem il-kriżi li ġabet f’pajjiżna l-frodi tal-isptarijiet “irridu nħallu l-Qrati jaħdmu”. U hu bħala President ma jistax jikkummenta politikament fuq dan l-iskandlu.

Hija din it-tweġiba li ta fil-programm NETLIVE meta l-ġimgħa li għaddiet kien intervistat fil-Palazz ta’ Sant’Anton, hekk kif issa riesaq lejn it-tmiem tal-Presidenza tiegħu.

George Vella naqas milli jikkummenta direttament fuq is-serqa ta’ Vitals u Steward. “Jien minix f’pożizzjoni li nikkritika lill-Gvern. Il-President ma jistax jiċċensura l-Eżekuttiv”, stqarr George Vella.

“Hemm inkjesti li għaddew. Hemm kawżi li għadhom għaddejin. U l-President għandu jħalli l-Qrati u l-istituzzjonijiet regolatorji jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom. Dik l-importanti. Għax jien minix fuq il-Gvern.”

Meta mistoqsi dwar il-pressjoni kbira fuq l-isptarijiet, il-President qal illi “jekk il-popolazzjoni żdiedet, trid tipprovdi”. Dan filwaqt li faħħar is-servizz tajjeb immens li jingħata mit-tobba, l-infermieri u l-professjonisti mediċi.

Waħda mill-problemi li semma’ l-President kienet il-limitazzjoni ta’ spazju, speċjalment issa li l-popolazzjoni splodiet fin-nurmu. “Altru milli s-settur tas-saħħa huwa perfett. Kemm hemm affarijiet li nista’ nitkellem fuqhom. Imma nerġa’ ngħid, jien minix f’dan l-irwol biex nikkritika lill-Gvern. Iżda nittama li fejn hemm affarijiet mhux korretti, il-Qrati u l-istituzzjonijiet jieħdu d-deċiżjonijiet huma”.

X’se jagħmel wara l-Presidenza?

It-terminu tal-President Vella jintemm fil-bidu ta’ April. Sa issa, għadu ma tressaq ebda isem ta’ min se jkun jew tkun is-suċċessur tiegħu.

Li hu żgur hu, li George Vella determinat li ma jibqax fil-Palazz. “Wara l-Presidenza m’għandix il-ħsieb li nerġa’ nkun marbut”, stqarr il-President ta’ Malta.

George Vella ddeskriva l-ħames snin ta’ Presidenza bħala rollercoaster, b’ħafna emozzjonijiet varji – ħames snin li bla dubju ta’ xejn ma kienux ward u zahar.

“Fi żmien sitt ġimgħat se nitlaq b’taħlita ta’ emozzjonijiet, fejn kien hemm mumenti meta veru ħadt gost u oħrajn li xtaqt li aħjar m’għaddejtx minnhom”.

George Vella qal ukoll li kull deċiżjoni li tittieħed hija fiha innifisha sfida. Dan għaliex id-deċiżjonijiet ikollhom riperkussjonijiet fuq l-andament tal-pajjiż u s-soċjetà.

“Int qiegħed hemm għall-poplu fl-aħħar mill-aħħar”, stqarr George Vella. Bil-President jgħid li ma kienx jobsor li se jaffaċja dak kollu li assistejna għalih fl-aħħar ħames snin – minn pandemija sa kriżi politika.

Kont lest nirriżenja”

Dwar l-abort, il-President fakkar li hu dejjem kien voċiferu immens sa ma qabel daħal f’din il-kariga. U huwa propju għal din ir-raġuni li tkellem pubblikament dwar l-abort.

“Tkellimt għax ma kinitx fil-programm elettorali. Kont lest li nirriżenja”, stqarr George Vella. Iżda jispjega li b’dan il-pass kienet tinħoloq kriżi Kostituzzjonali.

Il-President kien ċar ħafna fi kliemu, u stqarr “ma kontx lest inċedi”.

George Vella qal li fuq l-abort għandu opinjoni iebsa ħafna, u fakkar kif hu ma kienx waħdu kontra liġi li tiftaħ it-tieqa għall-abort.

Meta kien mistoqsi għaliex ma tkellimx bl-istess saħħa fuq temi oħrajn, Vella qal li hu dejjem qies ruħu bħala ‘Imħallef’ li ma jippronunzjax ruħu.

“Triq toqgħod lura fejn hemm il-kontroversja politika. Imma m’hemm xejn xi jżommok milli tgħid inħarsu l-ambjent, nimbuttaw l-edukazzjoni, jew li jsir ħaqq fil-każ tal-assassinji tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.

Mistoqsi dwar il-kritika li ssir rigward ċertu istituzzjonijiet li jiġu deskritti “bla snien”, George Vella għażel li ma jikkummentax. Ma weġibx lanqas dwar il-livell tal-politiċi illum-il ġurnata, u l-istandards fil-politika.

Irridu nkunu sensittivi” dwar l-ambjent

L-intervista ffukat ukoll fuq temi ambjentali u l-iżvilupp eċċessiv li qed isir f’pajjiżna. Bil-President ta’ Malta jgħid li fl-ambjent “irridu nkunu sensittivi u noqgħodu attenti”.

George Vella stqarr li l-attenzjoni trid tingħata partikolarment fejn jidħol l-iżvilupp eżaġerat. Iżda meta mistoqsi jekk hux qed “infallu” f’dan l-aspett, il-President qal li din hi kelma ftit iebsa.

“Irridu nsibu bilanċ bejn dak li għandna bżonn, filwaqt li nsalvaw l-ambjent naturali tagħna. Jekk nitilfu dan il-bilanċ, inkunu tlifnih darba għal dejjem”. B’enfasi partikolari fuq Għawdex, għaliex fiċ-ċokon dan l-iżvilupp eżaġerat jidher aktar.

Fl-intervista, George Vella tkellem ċar li hemm bżonn isir studju dwar il-carrying capacity biex naraw kemm pajjiżna jiflaħ nies għall-art limitata li għandna.

Intant, meta kien mistoqsi x’dispjaċir kellu matul din il-Presidenza, George Vella semma’ l-fatt li hu kellu joħroġ mill-Palazz tal-Belt u li allura f’dawn il-ħames snin ma gawdiehx.