Internazzjonali

Ir-Russja: Il-mara ta’ Navalny se tkompli bil-ġlieda ta’ żewġha għal ‘Russja ħielsa’….Twaħħal fi Vladimir Putin dwar il-qtil tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Yulia Navalnaya, li hi l-mara tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny, qed twaħħal ‘mingħajr riservi’ fil-President tar-Russja Vladimir Putin dwar il-mewt, kiesaħ u biered, ta’ żewġha li kien qed jinżamm bħala priġunier politiku f’kumpless tal-ħabs fis-Siberja.

Il-mewt ta’ Navalny, mequs bħala kritiku kbir ta’ Putin u li qatt ma tilef opportunità biex jikkundanna lill-Kremlin, ixxukkjat lid-dinja u bħalissa qed isiru diversi vejl ta’ talb u ċerimonji ta’ tqegħid ta’ fjuri quddiem l-ambaxxati tar-Russja fid-diversi bliet tal-Ewropa.

U waqt li l-Kremlin qed iżomm lura mid-dettalji prinċipali dwar il-mewt ta’ Navalny, din il-mara qed tinsisti biex tkompli bil-ġlieda għal ‘Russja libera u ħielsa mit-tirannija’.

Yulia Navalnaya għamelet din il-wiegħda waqt li hi, fl-aħħar sigħat, kienet qed tiltaqa’ mal-Ministri Ewropej fi Brussell – u meta hi anki ħarġet filmat fejn appellat ‘lis-sostenituri ta’ Navalny u l-libertà’ biex jappoġġjawha mill-aħjar li jistgħu’.

Dan ukoll meta bħalissa qed jispikkaw il-protesti viċin l-ambaxxati tar-Russja f’diversi pajjiżi kif  ukoll fir-Russja proprja – bir-rapporti jirreferu għall-mijiet tal-arresti u twissijiet kontinwi, f’Moska u San Pietruburgu, ‘biex in-nies ma jipprotestawx’.

Sadanittant qed jikbru s-suspetti dwar is-sehem dirett tal-President Putin u l-Kremlin fil-mewt, nhar il-Ġimgħa, ta’ Alexei Navalny – li tilef ħajtu ftit jiem biss wara li hu kien deher daħkan u b’saħħtu fuq filmat li nġibed fil-ħabs. Hu kien qed jiskonta sentenza twila ta’ priġunerija wara li spiċċa kundannat għal sensiela ta’ reati li, x’aktarx, kienu kollha fabrikati mill-Kremlin bil-ħsieb li jeħles minnu.

U s-suspetti qed jiżdiedu wara li l-awtoritajiet żammew lil omm Navalny u l-avukati tiegħu milli jidħlu fil-kamra mortwarja fejn jingħad li jista’ qed jinżamm il-katavru tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Is-sitwazzjoni qed tindika wkoll li l-Kremlin akkost ta’ kollox mhux lest li jirrilaxxa l-katavru – possibbilment minħabba xi traċċi jew elementi oħra li jistgħu jindikaw omiċidju.

L-awtoritajiet tal-ħabs fis-Siberja għadhom qed jinsistu li Navalny miet ‘f’ħabta u sabta’ b’konsegwenza ta’ kundizzjoni magħrufa bħala ‘sudden death syndrome’. Madankollu xejn ma jista’ jikkonvinċi lill-alleati ta’ Navalny u l-osservaturi barranin li Alexei Navalny ma mietx ‘fuq l-ordnijiet speċifiċi u personali ta’ Vladimir Putin’.

Min-naħa tiegħu, il-Kremlin qed ifisser l-akkużi bħala ‘redikoli’ fost l-insistenza li għad ma hemm ‘l-ebda riżultati’ mill-investigazzjoni dwar il-mewt ta’ Navalny, li kien anki popolari madwar id-dinja bħala ‘il-wiċċ tar-reżistenza għall-oppressjoni tal-Kremlin’.