F’intervista esklussiva ma’ Christian Micallef u li dehret fil-programm Replay tal-bieraħ, il-President taċ-champions u leaders attwali Ħamrun Spartans, Joseph Portelli ħareġ qatta bla ħabel kontra l-format il-ġdid propost mill-MPL u li għalih il-maġġoranza tal-klabbs ivvotaw favur format li ħafna mid-dilettanti tal-futbol lokali wkoll qed jitkellmu b’mod negattiv fuqu.
Fil-bidu tal-intervista, Portelli qal li l-ewwel nett hu kien wieħed minn ta’ quddiem li qabel mal-formazzjoni tal-Malta Premier League kif ukoll wieħed milli ħareġ għonqu biex Joseph Muscat isir Chairmain tal-istess assoċjazzjoni. Huwa kompla jgħid li ftit wara fuq l-aġenda kien hemm proposta li jinbidel il-kampjonat, li għall-ewwel hu ma sab l-ebda problema qabel ma bdew ħierġin id-dettalji. Iżda meta fl-ewwel laqgħat iċ-chairmain tal-MPL propona li l-kampjonat ikun deċiż b’decider, simili għal Jupiler Pro League, l-ogħla diviżjoni fil-Belġju, hu mill-ewwel ma qabilx u bejnu u bejn ruħu qal ‘ħa nibdew’
Joseph Portelli qal li dan il-format li qed ikun propost, issa għadu jintuża fil-Messiku, il-Bolivja u f’ħafna mill-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel u tant hu perikoluż li fl-Ewropa ma ssibu mkien. Huwa qal li dan il-format se jkun qed jagħti lok għall-affarijiet koroħ fosthom korruzzjoni. Fi kliemu mhux ġust li wara 17-il logħba il-punti jerġgħu jiġu zero.
Il-President ta’ Ħamrun Spartans kompla jgħid li mhix raġuni li dan il-format se jkun qed inaqqas id-dominju ta’ xi klabb jew ieħor u ġab eżempju li filwaqt li Ħamrun rebħu l-kampjonat l-istaġun li għadda u sentejn qabel, fl-istaġun 2021/22 huma tilfu l-kampjonat meta dak l-istaġun rebħuħ Hibernians u eżempju ieħor huwa dan l-istaġun li qed jirriżulta f’wieħed missielet. Portelli kien ċar fejn qal li aħjar kieku l-MPL użaw l-enerġija biex minflok 85% tal-laqgħat kienu dwar kif se jinbidel il-format sar aktar xogħol biex il-klabbs jigwadanjaw pereżempju mill-liġi tal-kummerċalizzazjoni u fi kliemu stess huwa qal li f’dan ir-rigward ‘il-klabbs daru kontra l-Ħamrun’
Huwa qal li fl-opinjoni tiegħu minn Settembru sa Diċembru l-kampjonat ‘se jkun tal-biki’ għax jaħseb li ħafna mill-klabbs mhux se jkunu qed jinvestu fl-ewwel parti biex jiffrankaw nefqa ta’ erba’ xhur imbgħad jarmaw it-tim fit-tieni parti tal-kampjonat biex jilħqu t-tragwardi tagħhom jew viċi versa. Huwa staqsa, ‘aħna hekk irriduh il-league tagħna?’
Portelli qal li filwaqt li l-maġġoranza rebħet, b’refernza għall-vot tal-klabbs rigward dan il-format, il-maġġoranza meta ma tkunx fis-sewwa ma tgħodd xejn għaliex ‘this is not a fair league’ u muwiex dak li jridu n-nies hemm barra u għalhekk fadalu fejn jiġġieled u jemmen li bis-sentiment tal-partitarji tal-futbol hemm biżejjed saħħa biex jirbaħ is-sens komun.
Dwar il-liġi tal-kummerċalizzazjoni Portelli qal li kien hemm bidu ta’ xi ħaġa iżda ma sar xejn aktar biex ikun hemm konklużjoni u l-klabbs jibdew il-proġetti tagħhom għax s’issa wara li jinħarġlek il-permess qas tkun taf fejn se taqbad tmur biex tkompli.
Fl-istudios Christian Micallef kellu lill-President ta’ Hibernians Ranier Bezzina li qal li filwaqt li Joeph Portelli għandu l-opinjoni tiegħu u li l-opinjonijiet tiegħu jitkellimhom fl-MPL, huwa jaħseb li l-format huwa ġust u li hu jaqbel miegħu u li kieku kien hemm xi ħaġa ħażina fih l-MFA ma kienietx taċċettah.
Bezzina qal li ma jaqbilx li hemm ir-riskju li l-klabbs fl-ewwel fażi ma jarmawx biex mbagħad jarmaw fit-tieni fażi fejn qal li kieku hu jifhima li jibda jarma fl-ewwel round biex jikkosnolida postu mal-ewwel 3 jew 4 timijiet, imbagħad isaħħaħ il-konsolidazzjoni tiegħu fit-tieni round biex jekk jista’ jkun jerġa’ jikkonferma dak li jkun sar fl-ewwel round.
Dwar lok ta’ korruzzjoni b’dan il-format, Bezzina qal li l-korruzzjoni u illegal betting, jeżisti kien u jeżisti se jibqa’ irrispettivament f’liema perjodu jintlagħab il-kampjonat.
Dwar ir-relazzjoni tal-Presidenti tal-klabbs fl-MPL, Ranier Bezzina qal li hemm relazzjoni tajba bejn il-Presidenti kollha filwaqt li ma jaqbilx li dan sar minħabba d-dominju ta’ Ħamrun Spartans u li din kollha hija biss ‘a matter of opinions’
Aktar kmieni fil-programm Joseph Portelli kkonferma li fil-11 ta’ Frar li għadda huwa kien ħareg mill-’group chat’ tal-MPL u li Ħamrun Spartans se jibqgħu jagħmlu parti minn dan il-kumitat ’għax bilfors’ u li dan għamlu għax ma jridx ikollu x’jaqsam iżjed mad-deċiżjonijiet tal-kumplament tal-membri.
Jekk trid issegwi l-programm Replay tal-Ħadd 18 ta’ Frar u li jinkludi din l-intervista idħol fil-link:
https://netondemand.mt/play/14898
//= $special ?>