Ħamrun Spartans komplew iżommu l-kmand tal-klassifika b’vantaġġ akbar dan wara li kif kien mistenni huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-0. Żewġ gowls li waslu fl-ewwel taqsima biex għalihom din kienet l-14-il rebħa tal-istaġun. Huma ħadu vantaġġ wara biss erba’ minuti biex qabel għalqet l-ewwel taqsima kien għal darb’oħra Luke Montebello li żamm l-appuntament mal-gowl fejn dan kien is-16 il-gowl tiegħu tal-istaġun. B’hekk l-attakkant tal-Ispartans għandu medja ta’ prattikament gowl kull partita. Għal Sirens din kienet telfa oħra li tkompli bil-mod il-mod tressaqhom lejn iċ-Challenge League l-istaġun li ġej peress li jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar tal-klassifika, distakkati b’xejn anqas minn għaxar punti mit-tim fit-12-il post Santa Lucia.
Pass falż minn Floriana fit-tentattiv li jkomplu jsegwu lil Ħamrun Spartans fit-taqtigħa għar-rebħ tal-Kampjonat, wara li huma sfaw miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Balzan. Il-Greens dejjem kienu fil-vantaġġ iżda raw lill-avversarji tagħhom jemmnu li jistgħu isalvaw il-partita, kif filfatt għamlu. Għal Balzan dan kien punt importanti minn konfront diffiċli fejn tant hemm timijiet li jistgħu jkunu nvoluti fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni li kull punt huwa imparattiv. Filfatt huma issa jinsabu b’20 punt, żewġ punti biss fuq iż-żona relegazzjoni. Għal Floriana, minkejja li xorta għadhom fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat, il-pressjoni tkompli tikber fuqhom hekk kif iridu jirbħu l-logħbiet kollha u dan jaf ma’ jkunx biżżejjed għax iridu jitolbu wkoll li jfallu Ħamrun Spartans.
Konfront bejn żewġ timijiet li qed jissieltu sabiex jiksbu post fl-Ewropa, Birkirkara u Hibernians spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Wara li fl-ewwel rawnd kienu l-Istripes li rebħu b’gowl uniku, din id-darba kienu Hibernians viċin li jagħmlu dan iżda Birkirkara kisbu l-gowl tad-draw fl-aħħar mumenti. Din kienet it-tieni logħba konsekuttiva li Birkirkara skurjaw fl-aħħar mumenti fejn taħt it-tmexxija ta’ Jose Borg jidher li qegħdin jirkurpaw bil-mod il-mod. Riżultat li finalment ma’ kkuntenta lil ħadd. Borg wettaq żewġ bidliet mill-aħħar logħba iżda kien Andrea Zammit li ddetermina li Birkirkara jsalvaw il-partita hekk kif wara li sar il-fowl fuqu fil-kaxxa, kien huwa stess li kkonverta.
Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ wara tlett riżultati ta’ draw konsekuttivi biex saħħew it-tielet post tal-klassifika, aktar u aktar għax l-avversarji tagħhom kienu Marsaxlokk. Kienu dawn tal-aħħar li ħadu l-vantaġġ, iżda r-reazzjoni tal-Blues kienet waħda mmedjata, fejn wara li ftit mumenti wara kisbu l-gowl tad-draw, dawru telfa f’rebħa. Kienet rebħa meritata għal Sliema li komplew jikkonfermaw li huma fost l-aqwa timijiet tal-istaġun u li issa l-ħolma li huma jiksbu post fl-Ewropa qed tqarrab aktar lejn ir-realtà. Mill-banda l-oħra dan kien ċans tad-deheb mitluf għax-Xlukkajri li iżda xorta waħda għandhom jibqgħu jemmnu fil-kapaċitajiet tal-iskwadra tagħhom li tkompli tawgura tajjeb għall-futur.
F’konfront dirett fin-naħa t’isfel tal-klassfika, Mosta kisbu rebħa kontra Valletta b’gowl skurjat fl-ewwel minuta tal-ħin addizzjonali. Tlett punti li jiswew mitqlu deheb għat-tim immexxi minn Joe Grech. Din kienet it-tieni darba fi spazju ta’ ftit ġranet li Mosta ħarġu rebbieħa kontra t-tim mill-kapitali wara li eliminawhom ukoll mill-IZIBET FA Trophy. Riżultat li jfisser aktar inkwiet għal Valletta fejn issa jinsabu sew fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. Kienet logħba li seta’ kellha eżitu differenti li kieku Valletta skurjaw penalty fil-bidu tat-tieni taqsima li iżda Diego Cardoso falla. Minbarra dan l-eroj għall-Mostin kien il-gowlkeeper Akpan li salva diversi okkażjonijiet ta’ skor biex żamm il-lasta tat-tim tiegħu ntatta.
Ikompli l-mument pożittiv ta’ Santa Lucia wara li s-Sibt li għadda huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 1-0. Kien gowl li wasal f’nofs it-tieni taqsima minn free kick dirett li qaleb il-miżien favur is-Saints li issa qegħdin jemmnu aktar minn qatt qabel li jistgħu għal sena oħra jsalvaw posthom mal-kbar. Huma kienu ġejjin minn rebħa kontra Balzan biex b’hekk komplew bir-riżultati pożittivi taħt it-tmexxija tal-kowċ Alessandro Zinnari. Fl-ewwel rawnd kienu Naxxar li kisbu rebħa konvinċenti bl-iskor ta’ 4-0, iżda din id-darba l-istorja kienet differenti. Il-Lions iridu joqogħdu attenti li dak li ħadmu għalih u akkwistaw fl-ewwel parti tal-kampjonat ma’ jitilfuhx issa peress li t-taqtigħa kontra r-relegazzjoni qed tintensifika ħafna b’diversi timijiet involuti fiha.
Kif kien mistenni Gżira United kisbu tlett punti kontra t-tim tal-qiegħ Gudja United, dan wara li huma għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0. Dan minkejja li huma lagħbu għal kważi l-partita kollha b’10 players wara t-tkeċċija ta’ Marcelo Dias. Wara li fl-ewwel rawnd il-Maroons kienu rebħu bl-iskor tennistiku ta’ 6-1, b’din ir-rebħa huma kisbu double fuq Gudja United. Dawn tal-aħħar jidher li rmew ix-xugaman hekk kif għadhom l-uniku tim mingħajr rebħa u b’dan ir-ritmu ma’ tantx nara possibiltajiet li din ir-rebħa tasal. Għal Gżira din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva fejn minkejja li jibqgħu fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni issa jinsabu f’nofs il-klassifika b’21 punt. . In-naħa t’isfel hija interessanti aktar minn dik ta’ fuq minħabba li apparti Sirens u Gudja, biex jiġu relegati żewġ timijiet oħra hemm sitt timijiet involuti.
INNUTAJNA
LI qabel il-partita kontra Floriana, l-eks player tal-Greens Jan Busuttil ippreżenta bukkett fjuri lill-partitarji ta’ Floriana. Busuttil ħalla lil Floriana u ngħaqad ma’ Balzan f’Jannar li għadda. Ironikament huwa skorja wieħed mill-gowls ta’ Balzan kontra Floriana.
LI minn din il-paġna nsellem lil Miguel Mifsud, eks player ta’ Hibernians li wara li għeleb il-vizzju tad-droga, ser jiġri mitt kilometru madwar Malta b’risq Caritas Malta. Prosit Miguel. Keep it up.
LI jidher li għall-kariga ta’ Viċi President tal-MFA qed ikomplu jiżdiedu l-kandidati. Mhux għaż-żewġ karigi riservati għall-kandidati maskili imma anki għall-kariga femminili. Fil-fatt f’din it-tellieqa tal-aħħar mistennija li jkun hemm tlett kandidati nisa meta fil-bidu kien qed jindika li kien ser ikun hemm nominazzjoni waħda.
//= $special ?>