Mart raġel li tgħaffeġ bi trakk waqt li kien qed jaħdem sentejn ilu, irċeviet telefonata dakinhar u li bi żball infurmaha li żewġha weġġa’ lil xi ħadd u kellu bżonn jikkalma. Binhom, Martin Micallef, xehed kif ommu mbagħad ċemplitlu biex tavżah u mar fuq il-post – biex sab li missieru kien mejjet. L-inċident kien seħħ fi Triq Wied il-Qoton f’Birżebbuġa.
Micallef kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li qed tippresjedi proċeduri ta’ kontestazzjoni. Huwa qed jitlob li min iħaddem jinżamm legalment responsabbli għall-inċident li wassal għall-mewt ta’ missieru.
Karmnu Micallef ta’ 71 sena mill-Imġarr kien qed jakkumpanja lix-xufier tat-trakk, Davide Manunta, dakinhar tat-3 ta’ Frar 2022, meta ħareġ mill-vettura kbira Leyland DAF biex jagħti direzzjonijiet lis-sewwieq hekk kif ipprova jdawwar it-trakk fi triq dejqa.
Iż-żewġ ħaddiema kienu qed jittrasportaw xi ħadid lejn sit ta’ kostruzzjoni fl-inħawi. L-inċident seħħ fi Triq Wied il-Qoton, Birzebbugia, bl-esperti aktar tard jirrappurtaw lill-maġistrat inkwirenti li dik il-medda tat-triq kienet dejqa wisq biex trakk daqshekk goff jiġi manuvrat fil-madwar.
Micallef intlaqat, tkaxkar diversi drabi bir-rota tax-xellug tat-trakk qabel ma s-sewwieq induna b’dak li ġara. Ibnu spjega li Micallef kien jaħdem għall-kumpanija GP Borg Limited meta miet. “Dak in-nhar xi ħadd mill-kumpanija GP Borg ċempel lil ommi bi żball u qalilha li missieri weġġa’ lil xi ħadd u biex imur hemm jikkalmah,” huwa twnna.
Ommu ċempillu u mar fuq il-post ma’ kollega. Meta waslu, Micallef ġie infurmat li missieru kien mejjet. Huwa ra t-trakk fi triq dejqa. “Ma mortx it-triq kollha hemmhekk… it-trakk kien kbir wisq biex jidħol f’dik iż-żona. Huma setgħu użaw vettura iżgħar.”
Qal li fuq il-post sab lill-Ispettur Jonathan Cassar kif ukoll lil ċertu Kevin Borg li qal li kien uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà tal-kumpanija, minkejja li kien direttur. “Il-pulizija u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ma ħadux passi kontra min iħaddem. Missieri kien impjegat ta’ GP Borg, mibgħut fuq trakk tal-kumpanija waqt il-ħin tax-xogħol, u t-trakk kien misjuq minn Davide Manunta li hu xufier impjegat mill-kumpanija. Il-materjal kien tal-kumpanija kif kien il-klijent,” huwa qal.
L-Avukat Franco Galea qal lill-Qorti li l-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident kienet ikklassifikat il-każ bħala inċident tat-traffiku, iżda l-familja Micallef kienu qed isostnu li dan kien inċident fuq il-post tax-xogħol. L-inkjesta kkonkludiet li Davide Manunta għandu jiġi akkużat b’omiċidju involontarju – u hekk ġara fejn għadha għaddejja l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tiegħu.
“Il-kategorizzazzjoni tas-sit fejn seħħ l-inċident kienet post tax-xogħol. Kien ċar li l-għodda li min iħaddem tahom biex jaħdmu fuqha kien it-trakk, li kien kontributur kbir għall-mewt. Il-kumpanija kienet taf fejn kienet se ssir il-kunsinna,” qal l-avukat.
Mart raġel li spiċċa mgħaffeġ għal mewt minn trakk kienet infurmata li kien żewġha li weġġa’ lil xi ħadd
