Lokali

“Persuni viċin il-Gvern ikomplu jitħanżru” – PN

L-istejjer dwar il-Kummissarju tal-Films ikomplu, hekk kif ilbieraħ inħarġet l-informazzjoni li Johann Grech ħa żieda fil-paga biex issa jaqla’ €150,000 fis-sena.

Dan intqal mill-PN fi stqarrija, maħruġa mix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Julie Zahra.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Kummissarju tal-Films qed ikun investigat mill-Awditur Ġenerali u dan wara li jkompli jonfoq il-miljuni minn fuq il-poplu.

Il-Ministru tat-Turiżmu, min-naħa l-oħra, jibqa’ jkompli jisfida milli jwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari anke għal ħmistax-il darba u fejn ikompli jaħbi milli jippubblika ċ-ċifri tal-Film Awards u tal-Mediterrane Film Festival, fost oħrajn.

Kien ukoll hu li ma ppubblikax l-Impact Assessment Report kollu, iżda ħareg biss parti minnu għax qal li ma jafdax lill-Oppożizzjoni. U kien hu wkoll li rrifjuta li jippubblika kemm tħallas David Walliams biex jippreżenta serata waħda u sirna nafu li dan tħallas €120,000.

Dan kollu qed jiġri fi żmien fejn l-aktar haġa li qed tinkweta n-nies hi l-għoli tal-ħajja. Il-prijoritajiet tal-Partit Laburista huma kollha żbaljati. Isibu flus ghal ta’ ġewwa biex jiffangaw, iżda ma sabx fondi għall-għalliema u jkompli jirrifjuta li jitneħħa t-taxxa fuq il-COLA. Il-Gvern moħħu biex isib l-iskużi minflok soluzzjonijiet biex jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja.

Dan ifisser “jitħanżru”. Li l-Gvern lilek itik il-frak wara li hu jiekol u jiffanga minn fuq dahrek.