Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq serq ta’ ħames muturi

Żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa ġie kkundannat sentejn ħabs effettivi mill-Qorti tal-Appell Kriminal wara appell tal-Avukat Ġenerali li ma qabilx ma’ sentenza sospiża li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati fuq serq ta’ ħames muturi.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrrera laqgħet l-appell u biddlet parti minn sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin fil-konfront ta’ Seyble Grech li f’Ottubru li għadda nstab ħati li seraq ħames muturi u quad bike bejn Awwissu u Ottubru tal-2023.

F’Awwissu, Grech seraq mutur minn Triq il-Baċir, l-Imsida. F’Settembru seraq quabdike minn Triq II-Professur J.G. Baldacchino f’Ħaż-Żabbar, u f’Ottubru seraq żewġ muturi minn Raħal Ġdid, wieħed minn Triq Ħal Saflieni u ieħor minn Triq il-Ġdida u tnejn oħra minn Birżebbuġa, it-tnejn li huma minn Triq il-Fossili, ftit il-bogħod minn fejn joqgħod.

Grech instab ħati wkoll li laqa’ għandu passaport Kolombjan misruq u li meta sar jaf li dan kien misruq ma nfurmax lill-Pulizija. Fis-sentenza tagħha l-Qorti poġġiet lil Grech taħt ordni ta’ superviżjoni għal sentejn u ordnatlu ijodd il-vetturi kollha misruqa.

Lappell tal-Avukat Ġenerali kien imsejjes fuq il-fatt li fost l-oħrajn li Grech ma setax jingħata sentenza sospiża billi nstab ħati li wettaq reat fil-perjodu ta’ probation. Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qieset il-fatt li l-akkużat qed juri li mhux lest li joqgħod ‘il bogħod mill-ħajja kriminali tant li wettaq reat ieħor waqt l-andament tal-ordni tal-probation.

Munkejja l-bidla fis-sentenza l-Imħallef qalet li l-Ewwel Qorti kienet korretta meta kkundannatu għal piena karċerarja iżda żbaljat meta ssospendiet il-perjodu tagħha. Kien b’hekk li l-Imħallef biddlet parti essenzjali mis-sentenza.