Żagħżugħ ta’ 21 sena t-Tnejn kien mixli bil-pussess ta’ 120 qartas kokaina, eroina u cannabis bil-ħsieb li jbigħhom fil-Marsa. Lean Mizzi, minn Santa Luċija, wieġeb mhux ħati tal-pussess tad-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu personali tiegħu u li rkadew.
L-Ispetturi tal-Pulizija Anthony Mercieca u John Leigh Howard qalu li Mizzi ġie arrestat wara li ngħatat tagħrif. Huma qalu lill-Qorti li hemm xejra attwali ta’ traffikanti tad-droga jużaw liż-żgħażagħ biex jimbuttaw id-droga.
“Sibna 120 qartas li jfisser li kien se jbigħ lil 120 persuna,” qalet il-pulizija. Mizzi ġie mċaħħad mill-ħelsien mill-arrest. Għalih deher l-avukat Amadeus Cachia. Lean Mizzi tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.
Żagħżugħ mixli b’pussess ta’ 120 qartas kokaina, eroina u cannabis


