Lokali Qorti

Akkużat bi traffikar ta’ 53 kilo cannabis

Sqalli ta’ 47 sena li nġieb Malta minn Spanja, bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġie akkużat bi traffikar ta’ 53 kilo cannabis. Fabio Nastasi ta’ 47 sena minn Katanja, deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u wieġeb mhux ħati li kkonfoffa għat-traffikar u pussess bl-intenzjoni li jbigħ din id-droga f’Ġunju tal-2023 u qabel.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal lill-Maġistrat li f’Ġunju tal-2023, il-pulizija arrestat l-Isqalli Santo Arena b’rabta mas-sejba ta’ madwar 53kg kannabis f’San Pawl il-Baħar. Huwa kien mixli bi traffikar u pussess aggravat ta’ dan l-ammont kbir ta’ droga li nstabet f’appartament.

Id-droga kienet stmata li għandha valur fit-triq ta’ madwar €880,000. Waqt il-kawża fil-Qorti, Arena semma li ċertu Fabio Nastasi kien ħallsu biex iżomm id-droga f’din ir-resdienza. Hekk kif l-isem ta’ Nastasi kien ingħata prominenza fil-media, il-pulizija ġiet infurmata li kien ħarab minn Malta.

Għalhekk inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u, 40 jum ilu, il-pulizija ġiet infurmata li kien arrestat fi Spanja. Huwa nġieb Malta nhar it-Tnejn filgħaxija. Għall-akkużat dehru l-avukati Matthew Xuereb u José Herrera.