Lokali

Argument bejn żewġt irġiel f’Raħal Ġdid iwassal sabiex Żejtuni jispiċċa f’qagħda gravi

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa wara li għall-ħabta tal-kwarta tat-Tlieta waranofsinhar f’Raħal Ġdid seħħ argument bejn żewġt irġiel.

Il-każ seħħ fi Triq il-Lampuka fejn raġel ta’ 63 sena minn Raħal Ġdid kellu xi jgħid ma Żejtuni ta’ 69 sena. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li waqt dan l-argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.

Ir-raġel ta’ 69 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.

Dan filwaqt li r-raġel ta’ 63 sena ttieħed fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief.

Bil-każ piet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.