Lokali Qorti

Il-laptop ta’ Fr Luke Seguna sparixxa mill-kamra tal-esebiti tal-qorti

Il-laptop maqbud mill-Qorti tal-eks kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna, li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, ma jistax jinstab fil-kamra tal-esibiti tal-qorti. L-espert tal-Qorti Keith Cutajar qal lill-Maġistrat Rachel Montebello kif ġie nnominat mill-qorti biex jeżamina l-kontenut tal-laptop. Sostna iżda li meta talab lill-uffiċjal tal-esebiti għall-apparat, Mac Book, dan ma setax jinstab.

Huwa kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fr. Luke Seguna li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, approprjazzjoni żbaljata u ħasil ta’ flus, bil-prosekuturi jsostnu li qarraq mal-150 mill-parisioners tiegħu madwar 500,00 ewro fuq medda ta’ 10 snin. Huwa qed jiċħad l-akkużi.

Waqt is-seduta Keith Cutajar li nħatar biex jeżamina l-kontenut tal-hard disk tal-laptop stqarr li fid-19 ta’ Ġunju 2023 il-laptop ta’ Seguna ġie esebit formalment fl-atti tal-proċeduri. Fid-29 ta’ Jannar 2024 ġie avżat li l-laptop ma setax jiġi traċċat jew misjub fl-istrong room tal-qorti.

L-espert tal-Qorti sostna li dan l-iżball jista’ jkun riżultat ta’ referenzi żbaljati u ta’ burokrazija, iżda fi kwalunkwe każ dan kien proċess intern tal-kamra tal-esebiti tal-Qorti u għalhekk ma setax jgħid b’ċertezza x’inhi l-problema.

Il-Qorti ordnat li fis-seduta li jmiss ikun preżenti rappreżentant tas-sezzjoni esebit tal-qorti biex jispjega għaliex il-laptop ma setax jiġi traċċat.

Fuq numru ta’ seduti minn Awwissu li għadda, bosta parruċċani xehdu dwar ix-xogħol siewi li għamel Dun Luke għall-knisja parrokkjali u wħud minn-nies ta’ Marsaxlokk, qalu li qed jimmissjaw l-atti ta’ karità tiegħu.

Ix-xhieda qalu li huma volontarjament taw fondi taħt is-sistema tal-“arbural”, filwaqt li oħrajn spjegaw li kienu jagħtu flus lill-qassis biex jintużaw minnu kif jidhirlu l-aħjar. Madankollu, il-prosekuturi jsostnu li l-qassis kellu mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’diversi kontijiet bankarji, flimkien ma’ kollezzjoni ta’ ħames muturi u żewġ karozzi, minkejja dħul relattivament żgħir bħala kleru. Diversi tranżazzjonijiet bankarji suspettużi kienu wasslu għal investigazzjonijiet tal-pulizija fir-rigward tiegħu.

Madwar €148,000 ġew allegatament rintraċċati għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-pagamenti marbuta ma’ sit tal-porn, filwaqt li l-pulizija skoprew ukoll numru ta’ ċekkijiet li jammontaw għal madwar €18,000 maħruġa minn parti terza lill-qassis. Il-każ ikompli.

L-Ispetturi Christopher Ellul u Lianne Bonello qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-Avukati Andrea Zammit u Ramon Bonello Sladden mill-uffiċċju tal-Avukat Ġeneralo. Seguna qed jiġi assistit mill-Avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera. L-Avukati Stefano Filletti u Christina Sutton qed jidhru bħala parte civile għall-kurja.