Il-Moviment Graffitti dalgħodu talab lil Infrastructure Malta u lill-Ministru Chris Bonett biex jiżvelaw x’kienet ir-raġuni eżatti wara d-deċiżjoni biex jinżabru 145 siġra matura tul Valley Road, bejn l-Imsida u Birkirkara, u wissew li dawn ix-xogħlijiet jaf ikunu “eżempju ieħor tan-nuqqas sfaċċat ta’ rispett lejn is-siġar, u att ta’ sfreġju totali li ħaqqu kull kundanna.”
L-għaqda talbet ukoll li jiġi assigurat li kwalunkwe xogħol isir minn persuni kwalifikati u kompetenti, u li jkun suġġett għal monitoraġġ regolari mill-awtoritarijiet minħabba li dan huwa xogħol ta’ natura “sensittiva” u “delikata”.
Id-dokument tas-sejħa għal offerti, maħruġ minn Infrastructure Malta, jippermetti li jsir żbir qawwi tal-kanipew tas-siġar sa sitt metri, u jistabbilixxi li l-volum u d-densità tal-kanipew tas-siġar iridu jitnaqqsu. Jistipula wkoll li friegħi li qegħdin fil-baxx u friegħi li kważi jmissu l-bini tal-madwar iridu jiġu mneħħija.
F’ittra miftuħa indirizzata lill-aġenzija u lill-Ministru responsabbli minnha, il-Moviment Graffitti esprimew id-dubji tagħhom dwar il-bżonn li jiġu mnaqqsa l-volum u d-densità tal-kanipew, filwaqt li ssottolineaw li hemm dubji serji dwar kemm din il-prattika ssarraf f’benefiċċji. Esprimew ukoll ix-xettiċiżmu tagħhom dwar il-bżonn li jinżabru s-siġar b’6 metri, hekk kif saħqu li dan “se jeqred totalment” il-kanipew tas-siġar.
L-għaqda nnutat li wieħed jista’ jasal jifhem il-bżonn għaż-żbir ħafif ta’ friegħi fil-baxx u ta’ friegħi li jistgħu’ jkunu qrib wisq tal-bini fuq iż-żewġ naħat tat-triq, iżda dan ma jirriflettix is-sejħa għal offerti maħruġa minn Infrastructure Malta.
Il-Moviment Graffitti saħqu li s-siġar jipprovdu arja nadifa u d-dell f’żona kkaratterizzata minn ħafna traffiku, u jikkumbattu t-tniġġis iġġenerat mill-mijiet ta’ vetturi li jgħaddu mit-triq kuljum.
“Is-siġar huma ta’ siwi kbir għan-nies li jaħdmu fl-uffiċċji u fix-showrooms tul Valley Road, u anke għall-bini nnifsu għax is-siġar iservu ta’ lqugħ kontra d-duħħan u t-trab iġġenerat mill-karozzi,” stqarrew l-attivisti.
L-għaqda ta’ attivisti ġibdet l-attenzjoni wkoll għan-numru kbir ta’ għasafar li jbejtu fil-kanipew tas-siġar, u ddeskrivew l-grupp ta’ 145 siġra bħala “ekosistema importanti fil-konglomerazzjoni urbana tar-reġjun tal-port.”
Il-Moviment Graffitti kompla jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-fatt li l-kuntrattur magħżul bħala l-offerent preferut “ma jidhirx li għandu xi esperjenza preċedenti fl-immaniġġjar ta’ proġetti ta’ tali daqs li jeħtieġu li jiġu ttrattati b’sensittività kbira.”
“Aħna ninsabu mħassba li s-sejħa għal offerti maħruġa minn Infrastructure Malta marret għall-irħas offerta, mingħajr ebda konsiderazzjoni għall-kompetenza tal-offerent,” tennew l-attivisti.
Il-Moviment Graffitti kkonkluda: “Aħna nenfasizzaw li xogħlijiet ta’ natura hekk delikata għandhom isiru bl-akbar attenzjoni u livell ta’ superviżjoni possibbli, u sal-estent biss li jkunu assolutament meħtieġa.”
“Jekk ix-xogħlijiet imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġu żgurati l-integrità tal-bini u s-siġurtà tan-nies inkunu qed nassistu għal eżempju ieħor ta’ nuqqas sfaċċat ta’ rispett lejn l-irwol importanti tas-siġar fl-ambjent urban, u għal att ta’ salvaġiżmu pur u kundannabbli.”
Il-mistoqsijiet mibgħuta mill-Moviment Graffitti lill-Ministru Chris Bonett u Infrastracture Malta huma dawn:
1. X’inhu l-pjan eżatti għas-siġar inkwistjoni? Il-friegħi li jiffurmaw parti mill-kanipew se jinżabru?
2. X’inhi r-raġuni għala se jsir “żbir qawwi”, u għalfejn qed jiġi permess limitu li jasal “sa 6m”, meta dan se jwassal għall-qerda totali tal-kanipew tas-siġar?
3. Tistgħu tipprovdu l-permess tal-ERA li jippermetti li dan ix-xogħol isir, u li saret referenza għalih fid-dokument ta’ sejħa għal offerti?
4. Intalbet xi evidenza ta’ xogħol preċedenti ta’ ambitu simili mingħand l-offerent preferut? Jekk iva, din instabet li hija sodisfaċenti?
5. Il-Ministru indika li Infrastructure Malta se tkun fuq is-sit biex tissorvelja x-xogħol. Tista’ l-Aġenzija tindika l-estent ta’ din is-superviżjoni, u jekk hux se tkun kontinwa, ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa, jew ad hoc?
6. Tista’ Infrastructure Malta tiggarantixxi li x-xogħol se jiġi mwettaq bl-għarfien u s-sensittività meħtieġa?
//= $special ?>