Il-parlament llum sellem b’minuta silenzju lill-Mexxej tal-Oppożizzjoni Russa li għadu kif miet f’wieħed mill-ħabsijiet Russi Alexei Navalny.
Din it-tislima tal-parlament Malti saret fuq inizjattiva tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li qam fil-parlament ifakkar lil dan il-mexxej politiku Russu.
Beppe Fenech Adami ddeskrieva lil Navalny bħala mexxej politiku li kien jiġġeled kontra l-korruzzjoni, il-gwerra u l-governanza ħażina fir-Russja u favur id-demokrazija, il-paċi u l-libertà tal-poplu Russu. Hu qal li, għalhekk, Navalny kien eroj tal-poplu Russu.
Beppe Fenech Adami ippropona li l-parlament Malti jagħmel minuta silenzju b’solidarjetà ma’ dan il-mexxej politiku Russu li kien joponi bil-qawwi lill-President Russu Putin.
Beppe Fenech Adami ppropona wkoll li l-awtoritajiet u l-Kunsill Lokal ta’ San Ġwann jimpenja lilu nnifsu biex it-triq biswit l-Ambaxxata Russa f’Malta tissemma’ għal Alexei Navalny biex is-sagrifiċċji li dan il-politiku għamel għal pajjiżu u għal-libertà fid-dinja jkunu mfakkra.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qabel mal-proposta tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li l-parlament iżomm minuta silenzju.
Permezz tal-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, il-gvern ukoll qbael ma’ din il-proposta.