Lokali

Il-PN jinsisti li l-ġustizzja soċjali mhix sempliċi “riklam tal-billboards”

Il-ġustizzja soċjali mhux riklam tal-billboards, iżda impenn biex tinħoloq soċjetà ġusta għal kulħadd. Dan qalu x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.

Qatt ma jista’ jkun hemm tassew ġustizzja soċjali fejn il-ftit jistagħnew bil-bosta, filwaqt li tant familji u ħaddiema jikkuntentaw bil-loqom. Fejn tikber l-inugwaljanza, tonqos il-ġustizzja soċjali. Biex tikber il-ġustizzja soċjali, il-prijoritajiet u l-impenn tas-soċjetà kollha jridu jkunu lejn is-solidarjetà li tiġġieled l-istrutturi li jikkawżaw il-faqar, li tiġġieled ix-xogħol prekarju u li taħdem għal aktar tqassim ġust tal-ġid.

Biex dan iseħħ fil-prattika hemm bżonn ta’ impenn fuq kull livell u minn kulħadd. Ilkoll kemm aħna għandna nisfruttaw ir-riżorsi kollettivi biex nimbuttaw din il-bidla:

– Lejn soċjetà li fiha kulħadd ikun trattat b’dinjita, b’rispett, u b’serħan il-moħħ;

– Lejn soċjetà li tassigura titjib fil-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, b’impenn lejn min hu l-aktar batut;

– Lejn soċjetà ħajja li tippromwovi l-ugwaljanza, l-inklussività u d-drittijiet tal-bniedem;

– Lejn soċjetà fejn kulħadd jieħu dak li jistħoqqlu u għandu bżonn mingħajr favuri u preferenzi;

– Lejn soċjetà fejn min imexxi jagħmel dan għall-ġid komuni, għall-ġid ta’ Malta u l-Maltin u l-Għawdxin kollha

M’hemmx ġustizzja soċjali f’soċjetà li tibqa’ taċċetta l-faqar u li ma tagħrafx il-problema vera li teżisti. Hemm min jilgħab bin-numri imma l-istampa uffiċjali tas-sitwazzjoni attwali skont l-Istatistika Ewropea dwar dħul u kundizzjonijiet tal-ħajja turi li aktar minn 100,000 persuna f’pajjizna jgħixu b’anqas minn €10,893 f’sena, u għalhekk jinsabu f’riskju ta’ faqar. Fost dawn hemm kważi 20,000 tfal u 32,000 anzjani.

Minkejja kull diskors politiku fuq il-progress li sar, il-verità sagrosanta hi li fl-2013 kien hemm 15.7% tal-popolazzjoni ta’ Malta f’riskju ta’ faqar u fl-2022 (l-aħħar statistika ppubblikata) dan żdiet għal 16.7%. Hu minnu li l-ekonomija kibret u nħoloq il-ġid, iżda hu minnu wkoll li dan ma tqassamx b’mod ġust għax kieku dan il-persentaġġ naqas u mhux żdied.

Meta wieħed iqis iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, ir-riskju tal-faqar f’dawn il-familji bla dubju jibqa’ jikber. Hu fatt magħruf li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-ħaddiema qed jitħallsu bil-ftit, bil-frakk, tant li qed ikollhom riperkussjonijiet kbar fil-kwalita tal-ħajja tal-familji tagħhom. Hu inaċċettabbli li fostna hemm min qed isir aktar sinjur, filwaqt li hemm min qed jiftaqar. Is-soluzzjoni hi li noħolqu ekonomija li tassew isservi lin-nies u mhux tisserva bin-nies.

Hemm l-espressjoni li tgħid: Kulħadd fl-istess dagħajsa (we’re all in the same boat). Tassew li kulħadd jinsab fl-istess maltempata tal-ħajja. Imma ċertament li mhux kulħadd jinsab fl-istess tip ta’ dgħajsa. Din mhix Malta “ħanina ħobża w sardina”.

Fl-aħħarnett ma nistgħux ma nsemmux il-faqar f’postijiet fejn jgħixu l-barranin f’ pajjiżna, li uħud minnhom spiċċaw imqarqa minn qabel daħlu hawn. Trid tara b’għajnejk biex temmen f’liema “kmamar” jgħixu. It-tfittxija ta’ Malta għat-tkabbir ekonomiku ħolqot forom ġodda ta’ miżerja u skjavitù.

Quddiem dan kollu, irridu niżguraw li dawk vulnerabbli jiksbu l-appoġġ li jixirqilhom: il-ġustizzja soċjali ma tistax isseħħ mingħajr integrazzjoni. Il-problema strutturali fis-sistema demokratika tibqa’ dominanti, tant li spiss tikkaġuna l-inġustizzji li dawn jaffaċċjaw. Il-ġustizzja soċjali m’għandhiex razza jew kulur jew partit jew reliġjon.

F’dan il-jum iddedikat għall-ġustizzja soċjali, infakkru wkoll li sal-lum, Malta ma tagħrafx id-Dritt ta’ Protezzjoni Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (Artiklu 30) u d-Dritt għall-Akkomodazzjoni (Artiklu 31) tal-Karta Soċjali Ewropea Riveduta (Revised Social Charter, Council of Europe). F’dan il-jum internazzjonali ddedikat lejn il-ġustizzja soċjali, il-Partit Nazzjonalista qed jikkommetti ruħu li jirratifika dawn iż-żewġ Artikli u li jimpenja ruħu fit-twettieq tagħhom għas-soċjetà Maltija kollha.