Dwar il-paga ta’ Johann Grech jgħid li “jiddependi x’wieħed jagħmel”
“Il-poplu on the whole mhux sejjer daqshekk ħażin”
Sostna dan il-Ministru tal-Familja u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon meta t-Tlieta filgħodu Net News staqsieh jekk jaħsibx li l-Gvern għandu jżid xi tip ta’ għajnuna flimkien mal-iskema tal-hekk imsejħa stabbiltà tal-prezzijiet bil-għan li verament tittaffa l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Falzon sostna li flimkien ma’ dan il-ftehim, il-Gvern qed jagħti fost oħrajn għajnuna permezz ta’ sussidji fuq l-enerġija u l-ġwież – filwaqt illi stqarr li l-poplu mhux sejjer ħażin la darba l-ekonomija, skont hu, sejra tajjeb.
Inevittabilment id-domanda li jmiss waslet b’mod awtomatiku – suġġett li jinsab fuq fomm kulħadd – ċioè ż-żieda fis-salarju tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li l-Gvern żiedlu l-paga b’€90,000 fis-sena, għas-somma kumplessiva ta’ €600,000 f’erba snin – xejn inqas minn €12,500 fix-xahar.
Mistoqsi jekk jaqbilx mal-paga ta’ Grech, li qed idaħħal mal-€150,000 fis-sena, Falzon qal li hu personali żgur mhux qed jitħallas dawk l-ammonti….iżda weġibna billi qal “jiddependi wieħed x’jagħmel”.
Stqarrija ta min wieħed jomgħod fuqha…hekk kif il-paga ta’ Johann Grech hija ekwivalenti għal aktar mid-doppju ta’ dik li jdaħħal il-Prim Ministru …u kważi t-triplu ta’ Ministru tal-Kabinett. Iżda skont il-Ministru Falzon il-ħlas huwa dipendenti skont wieħed x’jagħmel.
Mistoqsi jekk jaqbilx ma’ dan il-ħlas….Falzon għażel li ma jweġibx b’mod ċar u tond iżda stqarr li jemmen li kull politiku għandu r-ruħ soċjali tiegħu.
U waqt li hawn min qed jitħanżer u jiffanga…il-poplu jkollu jikkuntenta bir-roħs fiċ-chips u l-brokkli friżati.
//= $special ?>