Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola affermat mill-ġdid l-impenn tal-Ewropa lejn il-valuri tagħha u lejn il-paċi. Waqt li indirizzat il-Parlament Grieg, il-President Metsola qalet, “Aħna kontinent mibni għall-paċi. L-Unjoni tagħna hija l-wegħda li għamilna lill-ġenerazzjoni li kienet taf biss żmien ta’ gwerra u hija wegħda li rridu nkomplu nipproteġu, anke meta nkunu f’sitwazzjoni mċajpra bl-aggressjoni illegali f’pajjiżi viċin tagħna. Aħna għandna nżommu mal-valuri tagħna u naħdmu favur il-paċi u dan ifisser li ma niddejqux nesprima l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna fi żmien meta jfisser ħafna għalihom. Huwa għalhekk li rridu nibqgħu nappoġġjawhom. Huwa għalhekk li se nibqgħu magħhom għal kemm hemm bżonn.“
Il-President Metsola qalet li kien unur għaliha li tindirizza dik li sejħet bħala d-dar Griega tad-demokrazija, fi żmien meta l-Greċja qed tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha mill-kisba mill-ġdid tad-demokrazija. Waqt id-diskors tagħha, hija sellmet lill-“persuna li ħallset b’ħajjitha għad-demokrazija – Alexei Navalny.”
Il-President Metsola qalet li “l-ewwel ħadulu l-libertà, imbagħad ħadulu ħajtu iżda l-legat tiegħu u l-ġlieda tiegħu se jibqgħu ħajjin, fin-nies fir-Russja u fina lkoll.” Il-President tal-Parlament Ewropew żiedet tgħid li huwa importanti għaliha li tagħraf il-kuraġġ tiegħu fil-post fejn twieled id-demokrazija. “Id-demokrazija tirrikjedi l-kuraġġ. Alexei Navalny dan kien jafu sew.”
Filwaqt li rreferiet għall-identità Mediterranja tagħha, l-President Metsola qalet li n-nies min-Nofsinhar tal-Ewropa jistgħu jifhmu aħjar il-perspettiva li kapaċi toffri lill-popli tal-Mediterran l-Unjoni Ewropea, li tiġi b’opportunitajiet iżda wkoll b’responsabbiltajiet. “Nafu li aħna aħjar, aktar b’saħħitna u li nistgħu niksbu aktar, meta naħdmu flimkien. U jekk l-isfidi ġeopolitiċi ta’ dawn l-aħħar snin għallmuna xi ħaġa, kien propju dan.”
Il-President Metsola saħqet fuq lista ta’ kisbiet miksuba mill-Unjoni Ewropea, inklużi dawk dwar
l-ugwaljanza, t-tranżizzjoni diġitali, u għall-ġenerazzjonijiet iżgħar permezz ta’ programmi bħal
Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, Horizon Europe u InvestEU.
Waqt iż-żjara tagħha f’Ateni bħala parti mill-Kampanja ‘Get out the Vote’, li għandha l-għan li tħeġġeġ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex jivvutaw waqt l-Elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li ġej, il-President Metsola kellha wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis. Waqt il-laqgħa ddiskutew firxa ta’ suġġetti, fosthom l-appoġġ għall-bdiewa u s-settur agrikolu, fejn sostnew li l-Ewropa qed taħdem biex ma tħalli lil ħadd lura.
Il-President Metsola ġiet milqugħa minn mijiet ta’ żgħażagħ li ppakkjaw l-Anfiteatru fil-Konservatorju ta’ Ateni, u kellhom l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet lill-President tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>