Internazzjonali

Ir-Russja: Il-familja ta’ Navalny se tibqa’ miċħuda mill-katavru għal talanqas ġimgħatejn

Il-familja ta’ Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni li miet jiem ilu f’ħabs tas-Siberja taħt ċirkustanzi misterjużi, qed ikunu infurmati mill-awtoritajiet tar-Russja li l-katavru ta’ Navalny mgħandux ikun rilaxxat qabel, talanqas, ġimgħatejn oħra.

Il-mewta ta’ Navalny seħħet f’daqqa u ftit wara li dehru l-filmati fejn hu deher daħkan u fuq tiegħu — mingħajr l-ebda sinjali li seta’ kien qed ibati minn xi mard.

Fl-istess ħin, l-osservaturi fir-Renju Unit u madwar l-Ewropa jaqblu li r-Russi jistgħu qegħdin jippruvaw ineħħu kull traċċi potenzjali ta’ velenu jew ta’ xi sustanza letali mill-katavru ta’ Alexei Navalny.

Sadanittant, Dmitry Peskov, bħala l-kelliem għall-President Russu, Vladimir Putin, qal li l-akkużi fis-sens li l-Kremlin jew il-President innifsu setgħu kienu responsabbli għall-mewt ta’ Navalny huma ‘bla bażi u daqstant ieħor vulgari’.

Fl-istess ħin, Peskov qal li ma kellux aktar kummenti x’jagħmel b’rispett għall-mara ta’ Navalny, Yulia Navalnaya, li qal kellha tispiċċa armla fiċ-ċirkustani.

Alexei Navalny kien ilu s-snin bħala l-akbar kritiku ta’ Putin u qatt ma żamm lura milli jisfida lill-Kremlin li, min-naħa tiegħu, kien wettaq kampanja ta’ persekuzzjoni fit-tul fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-aħħar sigħat ukoll, omm Alexei Navalny kienet infurmata li l-katavru ta’ binha, bħalissa, qed jinżamm għall-‘analiżi kimika’u meta ma kien hemm l-ebda konferma dwar fejn qed jinżamm  il-katavru.Dan ukoll meta ma waslu mkien l-isforzi biex tinstab il-lokalità inkwistjoni.

Min-naħa tagħha,  Yulia Navalnaya, se tkompli tinsisti għar-ritorn tal-katavru ta’ żewġha u biex it-Tmexxija f’Moska tippermettilu d-difna dinjituża li tixraqlu.

Hi, aktar qabel, kienet ħalfet biex tkompli bil-ħidma politika ta’ żewġha li dejjem ħolom li jara Russja ħielsa – filwaqt li akkużat direttament lil Vladimir Putin dwar ‘l-omiċidju ta’ Alexei Navalny’.

Messaġġ ieħor imqanqal ta’ Navalnaya kien ‘biex il-poplu Russu jaqsam magħha ir-rabja u mibgħeda għal dawk li qed jeqirdulhom il-futur’.