Rebekah Borg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg sostniet fil-parlament li ż-żieda fil-popolazzjoni hi l-problema ewlenija fl-ambjent.
Rebekah Borg qalet li wieħed minn kull 10 persuni f’Malta għandhom l-ażma u sostniet li l-emissjonijiet mill-karozzi huma wieħed mill-problemi ewlenin li jikkaġunaw l-ażma. B’60 karozza li qed joħorġu kuljum fit-toroq Maltin ma jidhirx li se jkun hemm titjib għal din is-sitwazzjoni. Xi ħadd kuljum qed imut minħabba l-kwalità tal-arja fil-pajjiż.
Il-gvern jidher li warrab l-idea tal-metro li dwarha għamlu studju li sewa €100,000 u nefaq €75,000 biex għamel konferenza dwar il-metro iżda issa l-Prim Ministru issa qed jiddikjara li din m’għadhiex prijorità.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li qed jinqalgħu ukoll diversi siġar f’diversi postijiet fi triq li m’hemmx bżonn li titwessa’. Hi semmiet il-green houses gasses li huma emissjonijiet li jeffettwaw il-klima u qalet li f’Malta dawn l-emissjonijiet qed jiżdiedu b’7% waqt li fl-UE dawn qed jonqsu. Il-kawża tal-problema tat-traffiku, l-isptarijiet u l-emissjonijiet hi ż-żieda fil-popolazzjoni minħabba ċ-cheap labour.
Rebekah Borg qalet li l-miżuri ta’ emerġenza li se tieħu l-Enemalta fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija ma jigarantixxux li mhux se jisħnu l-cables ta’ taħt l-art kif kienu qalu s-sajf li għadda fl-eqqel tal-kriżi.
Sfida kbria oħra hi li fil-pajjiż hawn problema kbira ta’ skart. Hi pproponiet li dawk li jinqabdu jarmu l-iskart għandhom jintbagħtu jiġbru l-iskart apparati li jħallsu l-multi.
Il-PN qed jipproponi li d-diritt tal-ambjent jiddaħħal fil-kostituzzjoni iżda l-gvern ma jaqbilx ma’ dan, sostniet Rebekah Borg.