Lokali

Johann Grech b’€150,000 fis-sena, persuni fuq paga minima jaqilgħu biss €11,000 fis-sena

Il-paga ta’ €150,000 fis-sena għall-Kummissarju tal-Films Johann Grech tikkonferma xi tfisser li n-nies tal-Labour jitħanżru u l-poplu qed jieħu biss il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tagħhom.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra, mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo u mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.

Ix-Shadow Ministers fakkru kif Johann Grech bħalissa għaddej minn investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali għall-mod kif qed imexxi u juża’ l-‘cash rebates’ tal-films li jinħadmu f’pajjiżna. Filwaqt li faħħru l-fatt li produtturi internazzjonali jagħżlu lil Malta biex jaħdmu l-films tagħhom, huma qalu li ma jistax ikun li l-Kummissjoni tal-Films tibqa’ tħaddem l-iskemi b’dan il-mod.

Tennew li hu inkwetanti kif il-Gvern Laburista kuntent iħalli lin-nies qribu jiffangaw fl-eluf, filwaqt li lill-poplu jipprova jagħmih b’xi ċekk żgħir kull meta jaqbel lilu. Min-naħa l-oħra, il-poplu qed jibqa’ jinkwieta l-aktar mill-għoli tal-ħajja, fejn żgur li mhux isir biżżejjed biex din l-isfida tingħeleb.

Ix-Shadow Ministers fakkru kif l-istatistika turina kif hemm kważi 48,000 persuna li ma jaqilgħux €11,000 fis-sena, filwaqt li Johann Grech jaqla’ €12,500 fix-xahar. Għaldaqstant staqsew jekk il-Gvern iħossux jistħi ma’ min qed jgħix f’din il-forma ġdida ta’ miżerja u inġustizzja soċjali.

Tennew li l-unika soluzzjoni li kellu l-Gvern kienet l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin. Madankollu, nesa jħalli d-dinjità lil dawn l-istess barranin, kif ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu f’pajjiżna. Dan kollu qed iwassal biex il-Gvern Laburista se jibqa’ mfakkar bħala dak il-gvern li miegħu jiffangaw biss dawk tal-qalba.