Sport Sport Ieħor

Judo: Fidda għal Katryna Esposito fl-African Open

Suċċess fil-judo internazzjonali għal Katryna Esposito fl-African Open f’Algiers. Mill-operazzjoni li għamlet f’Settembru li għadda u l-perijodu ta’ riabilitazzjoni, din kienet waħda mill-ewwel kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali għal Esposito.

Fil-kategorija 48 kg Esposito kisbet il-midalja tal-fidda wara li fl-aħħar fażi inqabdet b’kontrattakk minn numru 38 fir-ranking dinji Oumaima Bedioui tat-Tuniżija li rebħet il-konfront.

Fil-proċess Katryna Esposito għelbet lil Houaria Kaddour u Ouahiba Karkerche it-tnejn tal-Algerija.

Bir-riżultat miksub, Malta temmet fil-ħames post fil-klassifika ġenerali fost 19-il pajjiż.

Fl-African Open ma’ Katryna Esposito kien hemm il-kowċ nazzjonali Aurelian Ciprian Fleisz u l-uffiċjal tal-Malta Judo Association Ivan Esposito.

F’Budapest fiż-Szeged Hungarian Cup, James Zahra temm fit-tieni post f’tournament organizzat fiċ-Ċentru ta’ taħrig tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo fl-Ungerija.