Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Sigma Depiro lura fil-ġlieda għal post fil-playoffs

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Athleta…………………77

Valletta Fighters…..71

(9-15)(15-12)(25-24)(28-20)

Wirja qalbiena mill-players ta’ Harry Savaya ma kienitx biżżejjed għal Valletta biex jieħdu l-ewwel rebħa fil-kampjonat hekk kif Athleta wettqu rimonta bejn it-tielet u r-raba’ taqsima biex ħadu it-tmien rebħa tal-kampjonat u żammew it-tieni post tal-klassifika. Athleta kellhom nieqsa lil Matthew Gouder u Ryan Abela. Kienu Valletta li kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta marru 9-2 minn fuq bi trippla ta’ Desean Mattox flimkien mal-punti ta’ Neil Cassar u Keith Charleston. Athleta rkupraw xi ftit b’żewġ trippli minn Piotr Stelmach però basket ta’ Mattox għalaq it-taqsima favur Valletta fuq skor ta’ 15-9. Valletta bdew it-tieni sessjoni bi tlett punti oħra qabel ma Athleta għamlu run ta’ 15-2 li bdewha bi trippla oħra ta’ Stelmach u punti minn Malik Riddle u Dejuan Moorer. Valletta ġew lura b’seba’ punti konsekuttivi minn Mattox biex daħlu jistrieħu 27-24 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet bi trippla ta’ Stelmach bil-Valletta jwieġbu b’żewħ trippli ta’ Cassar u Mattox u basket ta’ Charleston biex żammew vantaġġ ta’ sitt punti 35-29. Athleta kellhom il-punti ta’ Riddle u Moorer qabel ma Valletta għamlu break ieħor ta’ 8-2. Valletta fetħu vantaġġ massimu ta’ 10 punti wara punti minn Julian Wait u Charleston però Athleta rnexxielhom jagħmlu tmien punti mingħajr risposta fosthom erbgħa tad-debuttant żagħżugħ Andrej Bozanic għal skor ta’ 49-51. Ir-rimonta ta’ Athleta tkompliet fil-bidu tal-aħħar taqsima b’run ta’ 11-2 biex marru sebgħa minn fuq 60-53. Valletta ma ċedewx u kellhom il-punti ta’ Charleston u Mattox biex reġgħu waslu sa’ punt ‘l bogħod 63-64. Wara trippla fuq kull naħa, Athleta kellhom 5 punti mingħajr risposta biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ sitt punti 72-66 u rnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar ftit minuti biex ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 77-71.

Athleta: M. Riddle 20, F. Mifsud Bonnici, N. Buhagiar, L. Stefanovic 2, D. Moorer 28, E. Abela, P. Stelmach 22. A. Bozanic 5, A. Garzia, J. Cefai.

Valletta Fighters: K. Charleston 17, N. Da Silva, J. Wait 6, D. Mattox 37, A. Attard, M. Farrugia, F. Lisondra, N. Cassar 11.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Nestor Rincon

Hibernians…….70

Starlites JSD…..79

(31-18)(20-21)(8-20)(11-22)

Ic-champions Starlites JSD kellhom wirja oħra posittiva minkejja bidu diffiċli li rahom imorru 19 -il punt minn taħt kontra Hibernians. Huma mhux biss irkupraw dan l-iżvantaġġ iżda saħansitra rnexxielhom jieħdu rebħa b’distakk ta’ disa’ punti u b’hekk pattew għat-telfa li ħadu fl-ewwel round kontra l-istess avversarji. Hibs li għal darb’oħra kienu mingħajr l-Amerikan Nick Brennen kellhom bidu mill-aqwa fejn marru 16-5 minn fuq. Huma kellhom fost l-oħrajn it-trippli ta’ Matthew Attard, Luke Farrugia u Ivan Demcesen u punti minn Mason Hix. Starlites ukoll kellhom it-trippli minn Alec Felice Pace u Matthew Attard però sitt punti konsekuttivi ta’ Hix ħallew lil Hibs 13 -il punt minn fuq 22-9. Starlites wieġbu bi break qasir ta’ 7-2 bi trippla oħra ta’ Attard però kienu Hibs li temmew it-taqsima bl-aħjar mod b’seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 31-18. Fit-tieni perjodu, Starlites naqqsu d-distakk b’sensiela ta’ punti minn Kurt James. Hawn Hibs kellhom mument ieħor tajjeb bi break ta’ 14-3 bi trippli ta’ Hix u Attard u fetħu vantaġġ massimu ta’ 19 -il punt 51-32. Qabel intemmet is-sessjoni, Starlites irnexxielhom jagħmlu seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Christian Hinckson għal skor ta’ 51-39.

Wara l-intervall, Hibs żammew vantaġġ ta’ 12 -il punt 55-43 però hawn Starlites għamlu run ta’ 11-0 bi tlett three  pointers konsekuttivi minn Hinkson u James u waslu sa’ punt ‘l bogħod 54-55. Hibs kellhom il-punti ta’ Hix biex temmew is-sessjoni basket minn fuq 59-57. Fil-bidu tal-aħħar perjodu Starlites marru fuq quddiem għall-ewwel darba fil-partita meta kellhom żewġ trippli konsekuttivi minn Matthew Scerri. Ir-risposta ta’ Hibs kienet kajmana u Starlites għamlu run oħra ta’ 12-2 din id-darba b’żewġ trippli ta’ Felice Pace u marru 15 -il punt minn fuq 79-64. Hibs għalqu l-partita bl-aħħar sitt punti però l-vantaġġ ta’ Starlites kien kbir biex jirkuprawh kollhu u c-champions ħadu r-rebħa 79-70.

Hibernians: P. Attard, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 7, A. Axiaq 2, R. Aquilina, M. Attard 11, M. Hix 30, I. Demcesen 20, S. Simic.

Starlites JSD: A. Felice Pace 16, C. Hinkson 15, M. Attard 12, S. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri, M. Scerri 6, D. Craven 14, L. Farrugia, J. Bourke Doggett, N. Sultana, K. James 16.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Gordon Barbara.

Luxol…………………….69

Sigma Depiro………94

(19-18)(18-23)(18-27)(14-26)

Sigma Depiro kisbu rebħa mportanti fil-ġlieda tagħhom għal post fil-playoffs meta għelbu lil Luxol 94-69 biex pattew ukoll għat-telfa tal-ewwel round. Depiro issa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika b’rebħa inqas minn Hibernians li jinsabu fir-raba’ post. Luxol, li matul il-ġimgħa irrilaxxaw lill-Amerikan Tariq Woody żammew il-pass mall-avversarji sa’ nofs it-tielet sessjoni meta trippla ta’ Jean Paul Schembri poġġiethom tlieta minn fuq 50-47. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn Depiro bdew bi trippla ta’ Cameron Cornelius u ħadu vantaġġ żgħir ta’ 9-6. Hawn Luxol kellhom mument tajjeb bi break ta’13-2 bi trippli minn Schembri u Nathan Xuereb u ħadu vantaġġ ta’ 8 punti. Depiro għamlu l-aħħar punti tat-taqsima għal skor ta’ 19-18. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni kien hemm trippla fuq kull naħa qabel ma Depiro kellhom break ta’ 11-2 biex marru sitta minn fuq 32-26. Luxol irrispondew bil-punti ta’ Gael Hulson, Marco Matijevic u Isaac Azzopardi biex naqqsu d-distakk hekk kif Depiro daħlu jistrieħu 41-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, wara li Depiro kabbru l-vantaġġ għal 8 punti 45-37 wara punti konsekuttivi minn Kameron Rooks. Luxol irkupraw bi break ta’ 14-2 b’żewġ trippli oħra ta’ Schembri u marru fuq quddiem 50-47. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb meta għaml run ta’ 12-0 bi trippli minn Andrew Aquilinau Nikola Bozovic flimkien ma’ Rooks. Wara li Hulson kellhu three pointer għal Luxol, Depiro għalqu l-perjodu b’żewġ three pointers konsekuttvi ta’ Miguel Brincat għal skor ta’ 68-55. Fl-aħħar sessjoni Depiro kellhom run oħra ta’ 12-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 23 punt 80-57. Wara baskets minn Marco Matijevic u Hulson għal Luxol, Depiro kellhom trippla ta’ Bozovic u punti minn Alfred Hollins. Minkejja li lejn it-tmiem Luxol għamlu sitt punti mingħajr risposta, Depiro setgħu jikkontrollaw il-vantaġġ komdu li kellhom biex ħarġu rebbieħa 94-69.

Luxol: S. Pace 5, I. Azzopardi 5, N. Jovanovic 4, A. Azzopardi, JP Schembri 12, N. Xuereb 11, G. Hulsen 19, M. Matijevic 12, S. Cappello.

SIGMA Depiro: L. Trapani, N. Bozovic 10, A. Aquilina 6, N. Grech, A. Hollins 22, K. Rooks 31, M. Brincat 9, M. Mallia 3, C. Cornelius 13, N. Bukva, M. Debattista.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi