L-Istati Uniti proponiet abbozz ta’ riżoluzzjoni li ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied temporanju fil-Medda ta’ Gaza — fejn ilha għaddejja gwerra bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-grupp Ħamas mill-ewwel jiem ta’ Ottubru.
Il-proposta saret lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u meta din hi l-ewwel darba li l-Istati Uniti sejħet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza wara li, għal xi żmien, użat il-veto fil-konfront ta’ riżoluzzjonijiet preċedenti li inkludew dan it-terminu.
Fl-istess ħin, l-Istati Uniti wissiet lil Iżrael biex ma tinvadix il-belt ta’ Rafah, f’Gaza, li hi ffullata bil-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani li qegħdin jippruvaw isalvaw mill-gwerra.
Madankollu, l-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, kienet qed taħseb biex teżerċita l-veto għal abbozz ieħor ta’ riżoluzzjoni li ressqet l-Alġerija u li ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaza għal raġunijiet umanitarji.
L-inkwiet, intant, qed ikompli jikber dwar id-‘destin finali’ ta’ xi 1.5 miljun Palestin jan f’Rafah, li qabel il-gwerra kellha biss madwar 250,000 resident. Ħafna mir-refuġjati f’din il-belt qegħdin jgħixu fit-tined jew qalb ix-xelters u fejn huma qegħdin ibatu min-nuqqas akut ta’ ikel u ilma.
In-Nazzjonijiet Uniti wkoll qed twissi li kwalunkwe offensiva mill-qawwiet Iżraeljani fuq il-belt għandha twassal għal ‘massakru storiku’. Iżda t-Tmexxija ta’ Iżrael għadha determinata biex teqred il-moħbiet u bażijiet tat-terroristi tal-Ħamas fl-inħawi kollha ta’ Rafah.
Għandhom jibdew dalwaqt it-taħditiet dwar l-abbozz ta’ riżoluzzjoni li l-Istati Uniti ressqet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti – għalkemm mhux ċert jekk din il-proposta għandhiex tgħaddi minn vot aktar ‘il quddiem.
//= $special ?>