Raġel inħeles minn każ ta’ abbuż sesswali ta’ bintu tar-rispett ta’ 15-il sena wara li l-Qorti semgħet kif gidbet għax kienet irrabjata għalih talli ddixxiplinaha billi qatagħha l-konnessjoni tal-internet. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet kif it-tifla, li ma kellhiex relazzjoni tajba ma’ missierha bijoloġiku, ħassitha miċħuda u sikwit kienet tigdeb biex tgħaddi tagħha u tħossha aċċettata soċjalment.
Anke jekk iddeskriviet lil missierha bħala “figura ta’ missier”, ħassitha miċħuda meta twieldet oħtha oħra fejn kienet tgħid “il-missierijiet kollha jiġu u jmorru”. Hija ħassitha wkoll irrabjata fil-konfront tar-raġel ta’ ommha meta ddixxiplinaha billi skonettja l-konnessjoni tal-internet u gidbet dwar l-abbuż.
Missierha tar-rispett kien akkużat li kkorrompa u abbuża sesswalment lit-tifla, li dak iż-żmien kellha 15-il sena, u lil oħtha ż-żgħira fl-2022 u qabel dan il-perjodu. Il-maġistrat semgħet lill-Ispettur tal-pulizija Joseph Zammit, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, li xehed li l-pulizija intervjenew wara rapport tal-aġenzija tal-gvern l-Appoġġ.
It-tifla u oħtha sostnew li kienu qed jiġu abbużati minn missierhom. Madankollu, meta xehdu permezz ta’ videoconference, it-tfajliet qalu li gidbu għax kienu rrabjati għall-‘missierhom’. Il-maġistrat ħatret żewġ psikjatri biex jitkellmu mat-tfajliet u jirrappurtaw lura. L-esperti tal-Qorti sabu li l-minuri qalulhom li gidbu.
Madankollu, ma setgħux jeskludu l-abbuż għal kollox. Għal din ir-raġuni, il-maġistrat kompliet tisma’ aktar provi. L-omm xehdet kif kienet miżżewġa lill-akkużat għal disa’ snin u hu appoġġja lilha u lil uliedha li twieldu minn relazzjoni preċedenti.
L-omm kellha tfal oħra mal-akkużat. Qalet li bintha l-kbira kienet magħrufa li tigdeb u fil-passat kellha xi problemi. Xi ħbieb tal-iskola tkellmu wkoll dwar kif it-tifla qaltilhom li kienet abbużata u anke li missierha kien negozjant tad-droga.
Il-maġistrat semgħet ukoll lill-psikologa forensika Chantal Avellino li qalet li t-tifla kienet irrabjata ħafna li missierha għax kien tefa l-internet. Huwa għalhekk li kkonvinċiet lil oħtha ż-żgħira biex tivvinta storja dwaru.
“Jidher li t-tfajla ma immaġinatx li dan se jeskala sa dan il-punt u l-għan tagħha kien li tiżgura li hu qatt ma jerġa’ jiddixxiplinaha,” qalet l-espert. Avellino żiedet jgħid li t-tfajla ddeskriviet lill-akkużat bħala “figura ta’ missier” li kien “hemm għalina” u “li mela il-vojt” u “jagħti kasna”.
Tkellmet dwar kif inbidlet ir-relazzjoni tagħhom meta twieldet tifla iżgħar. Dan kien meta “bdiet tirtira ftit” li seta’ wassal għal sens ta’ rifjut. Avellino qalet li t-tifla ma kellhiex relazzjoni tajba ma’ missierha bijoloġiku u ħassitha miċħuda. Hi wżat il-kliem “il-missierijiet kollha jmorru u jiġu”.
It-tifla kellha problemi psiko-emozzjonali u nies bħal dawn kellhom it-tendenza li jkunu impulsivi, emozzjonali, u burdati u jonqsu milli jaħsbu dwar il-konsegwenzi. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.


