Kultura Lokali

Minn passatemp għal wirja ta’ 15-il ritratt mill-isbaħ

Il-mod ta’ kif wieħed jieħu ritratt kapaċi jwaqqaf lil xi ħadd u jġielgħu jirrifletti; kapaċi jwassal messaġġ simboliku u mill-aktar b’saħħtu.

U fid-dinja tal-fotografija wieħed jista’ jadotta stili varji b’wieħed minnhom ikun dak ta’ Street Photography fejn jinġibdu ritratti ta’ nies li jkunu għaddejjin fil-ħajja ta’ kuljum – stil li jiddependi ħafna mit-temp u minn nies li tinzerta barra.

F’kummenti lill-preżentatriċi ta’ dan l-istazzjon Lea Hogg, il-fotografu Joe Francalanza qal li daħal fid-dinja tal-fotografija meta kellu 16-il sena u kien bis-saħħa tal-kollega tiegħu Martin Agius li adotta l-istil tal-istreet photography.

Huwa qal li f’din il-wirja bl-isem Ħiliet il-Fgurin qed jesebixxi ħmistax-il ritratt monochrome – jiġifieri ritratti bojod u suwed li ħadhom waqt il-ħin liberu tiegħu. Bir-ritratti juru persuni f’lokalitajiet varji għaddejjin b’ħajjithom – bil-kompożizzjoni tant issaħħrek li żgur tkun impossibli li tibqa’ għaddej minn quddiemhom.

Wieħed jista’ jżur din il-wirja sad-9 ta’ Marzu li ġej fil-Kunsill Lokali tal-Fgura.