Żagħżugħ Belġjan ta’ 27 sena li xahar ilu ġie mixli li mporta tliet kilos cannabis grass f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għal użu esklussiv tiegħu ngħata l-pleġġ mill-Maġistrat Elaine Rizzo. Stef Larquin qed jiġi mixli li kellu rċieva bil-posta sitt pakketti bid-droga li fihom kellhom 500 gramma kull wieħed tad-droga cannabis fl-appartament fejn joqgħod ġewwa Birkirkara.
Fit-tftixxija li għamlet il-Pulizija nstabu wkoll f’landa 23,580 ewro. Sussegwentement il-Belġjan tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-Ispettur Jonathan Pace qal fil-Qort li fid-29 ta’ Novembru li għadda, it-Taqsima ta’ kontra d-droga rċiviet informazzjoni mill-Maltapost li kienu interċettaw pakkett ta’ sustanza ħadra, suspettat li kien cannabis grass.
Qal li wara li huwa nforma lill-Maġistrat tal-Għassa huwa ngħata struzzjonijiet biex jikkordina ma’ esperti tal-Qorti li kienu jinkludu lil Dr. Godwin Sammut li xogħolu kien li jannaliżża d-droga. Wara li reġa’ kellem lill-Maġistrat tal-Għassa sar ‘controlled delivery’ tal-pakkett inkwistjoni u li dan kellu jitqassam f’indirizz ġewwa Birkirkara.
Dan seħħ fl-10 ta’ Jannar li għadda fejn l-Ispettur Pace qal li kienu hu li mar bil-pakkett, liebes uniformi tal-Maltapost u mar fit-triq ta’ fejn kien indirizzat il-pakkett fi Triq Dun Karm Pirrotta, liema pakkett kien indirizzat fuq isem femminili.
L-Ispettur Pace qal li ċempel il-qanpiena tal-bieb, u Stef Larquin fetaħ il-bieb u kif qallu lil min kien indirizzat il-pakket, dan wieġeb, ‘iva dik it-tfajla tiegħi.’ Kif l-Ispettur daħal ġewwa Larquin qallu li kien se jieħu l-pakkett f’isimha.
L-Ispettur Pace qal li hu għadda l-pakkett lill-akkużat li mill-ewwel ġie arrestat mill-kollegi tiegħu. Ix-xhud qal li fir-residenza kien hemm żewġ persuni oħra fejn Larquin indikalu li dawn ma kellhomx x’jaqsmu mad-droga, li nstabet ukoll fil-kamra.
Dawn kienu t-tfajla tiegħu u ħabib tiegħu li kienu jgħixu fl-appartament, bit-tnejn li huma jiġu rilaxxati. Fil-kamra fejn Larquin jorqod instabu xi oġġetti relatati mat-teħid tad-droga u xi ‘crushers’, u landa magħluqa fejn l-akkużat għadda ċ-ċavetta tagħha lill-Pulizija, li meta nfetħet fiha kien hemm 23,580 ewro fi flus kontanti.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 10,000 u 20,000 ewro garanzija personali u li jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara bejn 8am u 8pm kuljum. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono. Josè Herrera u Martina Herrera. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Pace.
//= $special ?>

