Lokali Saħħa

Abbozz ta’ liġi biex id-donazzjoni tal-organi tkun awtomatika sakemm ma tagħżilx l-oppost

Il-Gvern tiswielu €24,000 kull persuna fis-sena biex isir il-proċess tad-dijalisi

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex tkun diskussa l-possibiltà li d-donazzjoni tal-organi tkun waħda awtomatika sakemm il-persuna ma tagħżilx li ma tkunx fuq il-lista tad-donaturi.

Dan l-abbozz ta’ liġi se jiġi ppreżentat mix-Shadow Minister Ivan Bartolo fejn appella għal bidla b’dan il-qasam biex la naraw telf ta’ persuni u wisq inqas naraw persuni jbatu minħabba l-lista twila ta’ pazjenti fi bżonn ta’ trapjant.

L-abbozz ġie meqjus bħala opra ta’ ġenerożita hekk kif minn organi ta’ persuna waħda kapaċi jibbenefikaw madwar 10 persuni.

“Tama li f’pajjiżna jkun hawn opt-out minflok opt-in sabiex insalvaw iktar ħajja,” qal Ivan Bartolo.

Dan l-abbozz se jkun ifisser li kull persuna wara mewtha tkun donatur tal-organi, b’dawk li ma jixtiequx li jkunu donaturi għandhom biss jimlew formola biex juru d-disinteress tagħhom.

Quddiem dan kollu ġie mħeġġeġ biex issir kampanja ta’ tgħallim dwar id-donazzjoni tal-organi sabiex iktar nies jieħdu l-pass ‘il quddiem biex isalvaw il-ħajjiet u jagħtu tama ġdida, anke wara mewthom.

Is-Segretarju ta’ Transplant Support Group Karmenu Fenech, li huwa wkoll pazjent fuq il-lista biex jingħata donazzjoni tal-kliewi, qal kif dan l-abbozz huwa importanti li jidħol fis-seħħ hekk kif huwa jkollu jmorru l-Isptar Mater Dei kull tlett ijiem minħabba li jserrah fuq il-magni sabiex ma jitlifx ħajtu.

“Jien it-tabib tiegħi nnifsi,” qal Karmenu Fenech, li kompla li “permezz tad-donazzjonijiet inkun nista’ ngħix il-ħajja tiegħi b’mod iktar independenti.”

Dan apparti li kull pazjent fi bżonn ta’ donazzjoni tal-organi jiswa’ lill-Gvern l-eluf ta’ ewro.

“Bħala pazjent lill-Gvern niswielu €24,000 kull persuna fis-sena,” qal Karmenu Fenech, li żied li “trid tikkonsidra l-magni, it-tindif, l-infermiera u t-tobba; dan hu kollu spejjeż.”

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni mmedjata fuq diversi abbozzi li jaffetwaw direttament lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Gvern għandu opportunità li ma joqgħodx jistenna iżda jgħaddi dan l-abbozz għad-dritt tal-poplu,” qal Robert Cutajar, li appella: “Ejja nibgħatu messaġġi pożittivi li kapaċi naħdmu flimkien.”

Ritratti: Matthew Tabone