Bla dubju li d-dilettanti tal-futbol lokali kollha bħalissa qed jitkellmu dwar il-kontroversja tal-format il-ġdid li l-maġġoranza tal-klabbs tal-Kampjonat Premier ivvotaw għalih, b’ħafna jgħidu li l-futbol Malti mhux se jkun qed jibbenefika minn dan il-format, li għadu jintuża biss fl-Amerika t’Isfel.
L-ispjagazzjoni ta’ dan il-format, sal-ħin tal-publikazzjoni ta’ dan l-artiklu, għadha mhix daqsekk ċara u s’issa nafu biss affarijiet bażiċi, l-affarijiet li l-aktar qajmu diskuzzjoni.
Il-format li l-klabbs ivvotaw għalih għal ħames snin li ġejjin huwa simili, jew kważi eżatt ta’ dak li nsejħulu Apertura u Clausura, iġifieri kampjonat maqsum f’żewġ kampjonati fejn l-ewwel jintlagħab l-ewwel kampjonat, imbagħad il-punti jerġgħu jiġu zero għal kulħadd qabel jibda t-tieni kampjonat biex eventwalment ikunu deċiżi r-rebbieħa, dawk li jikkwalifikaw għall-kompetizjonijiet Ewropej kif ukoll dawk li jiġu relegati.
Fil-qasir dwar kif se jkun qed jinħadem dan il-kampjonat, fl-ewwel kampjonat, li jidher ukoll li se jkun qed jibda aktar kmieni mis-soltu, it-12-il tim tal-Kampjonat Premier se jkunu qed jilagħbu round wieħed kontra xulxin, iġifieri kull tim ikun lagħab 11-il partita. Wara dan, skond il-klassifikazzjoni, it-timijiet se jkunu qed jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ sitt timijiet il-wieħed fejn imbagħad kulħadd jilgħab 5 partiti oħra.
Wara dan, ikolna diġa’ l-ewwel verdetti fejn jekk pereżemju tim jispiċċa fl-ewwel post tal-klassifika, ikollu diġa’ post fi play-off għar-rebħ tal-kampjonat, iżda ejja nkomplu nitkellmu fuq it-tieni fażi.
Fil-bidu tat-tieni kampjonat, it-12-il tim jerġgħu jibdew minn 0 punti fejn għal darb’oħra jirrepetu dak li jkun ġara fl-ewwel wieħed u cioe li l-ewwel jilagħbu kollha kontra xulxin qabel jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ sitta biex jerġa’ jkun hemm round ieħor ta’ partiti bejn is-sitt timijiet ta’ kull grupp.
Il-verdetti:
Jekk l-istess tim ikun rebaħ iż-żewġ kampjonati rispettivi, awtomatikament dak it-tim ikun iddikjarat champion, iżda jekk ikun hemm żewġ timijiet differenti li jispiċċaw fl-ewwel post fil-grupp tal-ewwel 6 ikun jeħtieġ li tintlagħab decider biex ikun determinat ir-rebbieħ tal-Kampjonat Premier.
Għalkemm dwar il-verdetti l-oħra għad ma kellna l-ebda spjegazzjoni ddettaljata, qed nifhmu li l-eżitu ta’ min ikun relegat se jkun qed jiġi deċiż simili għal kif se jkun determinat ir-rebbieħ tal-kampjonat.
Iżda minn dan kollu l-futbol Malti, partikolarment il-Kampjonat Premier se jkun qed jibbenefika?
Qed jingħad li waħda mir-raġunijiet ta’ dan il-format hu biex il-kampjonat isir aktar eċitanti speċjalment jekk ikun hemm tal-bżonn ta’ deciders għat-tragwardi differenti, bl-iskop hu li dawn il-play-offs jattiraw aktar nies il-ground.
Pero l-idea ta’ dawn il-partiti deċiżivi mhix waħda garantita minħabba li jekk ikollok eżempju tim li jiddomina ż-żewġ kampjonati u għalhekk ikun iddikjarat champion, mela hemmhekk diġa sparixxa l-eċitament ta’ ground mimli għall-partita deċiżiva. Fi kliem sempliċi l-MPL, u għalhekk dawk il-klabbs li vvotaw għal dan il-format, ma kellhomx f’moħħhom idea garantita li ġġib in-nies il-ground u ddeċidew fuq xi ħaġa biss li tista’ tiġri u mhux fuq xi ħaġa li żgur se ġġib il-folol fl-istadiums tagħna.
L-MPL f’dan ir-rigward għaġlet u telqet fuq sieq ħażina ma dawk il-klabbs li ma jaqblux magħha. It-tibdil fil-format ma kellux ikun daqsekk ta’ prijorità għax dan ħoloq tensjoni u qasma fil-bidu nett ta’ din l-assoċjazzjoni, riperkussjonijiet li jistgħu iwasslu biex dan il-kumitat issa ma jkunx qed jiffunzjona kif mistenni minħabba l-firda bejn il-klabbs.
Fl-opinjoni tiegħi, qabel ma nbiddlu l-format tal-kampjonat, l-ewwel ridna niżguraw li l-liġi li tant kien hemm pompa fuqha, dik tal-kummerċjalizzazzjoni, tibda tiffunzjona biex il-klabbs maż-żmien jibdew jieħdu l-frott u possibilment isiru self-sustained biex hemm ikun qed jogħla l-livell tat-timijiet biex mbagħad meta jkollna format ġdid, għalkemm ukoll fl-opinjoni tiegħi m’għandux ikun dan propost, il-kampjonat ikun magħmul minn timijiet aktar b’saħħithom, b’baġits akbar u għalhekk livell aħjar ta’ futbol.
Eżempju sempliċi fi kliemi hu li jekk ikollok 10 karozzi fi trakka li ma jifilħux jimxu u li qed jieħdu 5 minuti biex iduru dawra, imbilli tbiddel it-trakka ma jfissirx li se jkunu qed jiġru aktar għax il-karozzi baqgħu l-istess. Mela l-ewwel kellna niżguraw li l-klabbs ikunu self-sustained u jkollhom aktar flus għaliex dik hija waħda mir-raġunijiet li n-nies jibdew jitilgħu jaraw lit-tim tagħhom.
Barra minnhekk naħseb li ħaġa oħra li għandha tkun indirizzata qabel il-format hi l-infrastruttura tal-istadiums tagħna u kemm dawn jilqgħuk u jħajjruk tmur tara logħba fihom. Illum il-ġurnata jekk tmur tara logħba u tagħmel ħalba xita, tkun fejn tkun fl-Istadium Nazzjonali għandek ċans li tieħu tixriba għax minbarra li t-tinda li hemm fl-enclosure mhix iddiżinjata biex tilqa’ x-xita minn kullimkien, din tinsab ukoll f’kundizzjoni ħażina fejn anke minn nofsha jinżel l-ilma. Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ infrastruttura li ma tħajjrekx.
L-opinjoni tiegħi għalhekk hi waħda. Kampjonat bi 12-il tim b’żewġ rounds normali mingħajr ma jinqasmu l-punti fejn matulu wkoll tintlagħab l-FA Trophy, li hawnekk ukoll għandu jikber il-premju biex jikber l-interess u jekk hemm bżonn ta’ tazza oħra li tkun kompetittiva, iva l-MPL issib sponsor bħalma hemm eżempju l-Ingilterra l-Carabao Cup u jkollna tazza oħra kompetittiva, bi premju adekwat li tipprovdilna logħob kompetittiv u ovjament finali li ġġib in-nies il-ground.
Mela fil-qasir:
- Tiġi indirizzata l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni biex il-klabbs isiru self sustained u għalhekk iżidu l-livell
- Titjieb l-infrastruttura fl-istadiums
- Tkun organizzata tazza oħra fil-kalendarju kalċistiku li toħloq aktar interess u eventwalment finali oħra.