Internazzjonali

Il-Medda ta’ Gaza: Emerġenza umana akbar għall-Palestinjani fost il-kriżi tal-ġuh

Il-World Food Programme – l-akbar organizzazzjoni ta’ fejda fid-dinja – qalet li s-sitwazzjoni għar-residenti fil-Medda ta’ Gaza ma tistax titwemmen u meta aktar eluf  ta’ Palestinjani qegħdin jiffaċċjaw il-ġuh b’kaġun tal-gwerra.

Dan ukoll waqt li l-UNICEF, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tieħu ħsieb it-tfal, sostniet li  wieħed minn kull sitt itfal fit-Tramuntana ta’ Gaza qegħdin ibatu mill-malnutriżmu.

Ir-rapporti jirriflettu l-iskala tal-emerġenza umana li qed tiżviluppa fost iċ-ċivili f’dawn ix-xhur ta’ gwerra —  u bil-World Food Programme qed ikollha tissospendi t-trasport tal-ikel lill-Palestinjani fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.

Dan seħħ minħabba s-sitwazzjonijiet ta’ kaos madwar it-territorju– u meta l-pjaga tal-ġuh qed tiżdied b’mod partikulari, u minn jum għall-ieħor, għar-residenti fit-Tramuntana ta’ Gaza.

F’dawn il-ġimgħatejn naqsu b’aktar min-nofs it-trakkijiet li qed iwasslu l-għajnuna lin-nies ta’ Gaza – bit-trasport tal-ikel u l-affarijiet l-oħra bażiċi isib l-intoppi kbar fost il-bumbardamenti u l-offensiva tal-art mill-qawwiet Iżraeljani li huma determinati biex jeqirdu l-aħħar fortizzi tal-grupp terroristiku Ħamas.

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà wkoll tinsab iddisprata meta l-gruppi tal-Palestinjani f’Gaza kemm-il darba qegħdin jassedjaw it-trakkijiet li jaslu hemmhekk bl-għajnuna u bil-ħsieb li jaħtfu l-ikel. Dan ukoll waqt li l-konvojs tat-trakkiijiet li qed iwasslu l-għajnuna lill-Palestinjani qegħdin jispiċċaw suġġetti kemm-il darba għall-isparar.

Iz-zoni lejn it-Tramuntana ta’ Gaza, fosthom il-Belt ta’ Gaza, ilhom iżolati mindu l-Armata Iżraeljana, f’Ottubru, invadiet it-territorji kontrollati mill-Ħamas b’reazzjoni għall-massakri taċ-ċivili mit-terroristi li infiltraw l-artijiet ta’ Iżrael waqt jum ta’ dmija storika.

Intant, l-artijiet ta’ Gaza lejn it-Tramuntana nbidlu f’widien ta’ qerda, bil-mijiet tal-eluf tal-Palestinjani jinsabu iżolati u nieqsa mill-għajnuna. F’din is-sitwazzjoni, il-familji fl-inħawi bilkemm jistgħu jieklu, almenu, darba kuljum u fejn ħafna drabi anki qed ikollhom jirrikorru għall-ikel tal-annimali.

Il-kelliema għall-World Food Programme issa qalu li se jippruvaw isibu mezzi kif iwasslu mill-ġdid – u mill-aktar fis possibbli — l-għajnuna lil dawn il-Palestinjani. Dan fost is-sejħa urġenti biex jinfetħu l-aċċessi, minn Iżrael, għat-trasport tal-għajnuna direttament lejn it-Tramuntana ta’ Gaza.

Issemmiet anki l-ħtieġa għal sistema ta’ notifikazzjoni intiża għall-koordinament aħjar mal-militar ta’ Iżrael, bl-organizzazzjoni qed twissi li f’Gaza diġà qegħdin imutu n-nies mill-kawżi relatati mal-ġuh.