Is-settur tas-saħħa f’pajiżna qed jikkrola, waqt li d-Dipartiment tal-Emerġenza qiegħed fi kriżi li aktar ma jmur aktar qed tkompli tikber.
Dan l-istazzjon ilu żmien twil jirraporta kif il-waiting lists li hemm fl-Isptar Mater Dei qed iwasslu biex numru ta’ opperazzjonijiet qed ikollhom jiġu posposti, waqt li hemm iktar minn 16,000 persuna li qed jistennew appuntament jew MRI kif ukoll eluf oħra li qed jistennew CT Scans.
Filmati li tieħdu fl-aħħar jiem fid-Dipartiment tal-Emerġenza wrew ir-realtà li jinsab fiha Mater Dei minħabba n-nuqqas ta’ pjanar u ż-żieda fil-popolazzjoni. Dan hekk kif numru ta’ pazjenti fuq l-istretchers kellhom jitħallew fis-sala fejn normalment il-pubbliku jkun qed jistenna biex jiġi msejjaħ, barra li kien hemm persuni oħra li kellhom jitennew saħansitra 11-il siegħa biex jiġu msejjħa.
Apparti minn hekk hemm diversi pazjenti oħra li qed jitħallew fil-kuruturi u f’zoni oħra li ma jistgħux jitqiesu bħala swali.
Fid-dawl ta’ dan kollu u fid-dawl tal-kritika li qiegħed jirċievi mill-Partit Nazzjonalista …il-Ministru tas-Saħħa JoEttienne qal li meta qed nitkellmu fuq dan is-settur, diverġenzi dejjem se jkun hemm – u skont hu, din xi ħaġa ‘healthy’.
Dwar il-kwistjoni ta’ kif setgħu intużaw il-flus li tajjarna fid-deal ma’ Vitals u Steward, JoEtienne Abela qal li mhux qiegħed f’sitwazzjoni skomda jwieġeb dwar dak li ġara qabel ma dan is-settur ingħata lilu – iżda insista li hu ma jaqbilx li s-sitwazzjoni tas-saħħa ma avanzatx, għalkemm xorta hemm l-ilmenti.
Dwar iż-żieda kbira fil-popolazzjoni li hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-ħaddiema mhux ilaħqu mal-ammont kbir ta’ nies li qed jidħlu fl-Emerġenza JoEttienne Abela qal li ma hemm l-ebda Emerġenza fid-dinja li ma tkunx mimlija.
U minkejja li l-Ministru tas-Saħħa spjega li għalih is-saħħa mentali hija prijorità, fl-aħħar budget li preżenta l-Ministru Clyde Caruana fl-ebda ħin ma issemma Sptar ġdid għas-Saħħa Mentali.
Intant dwar iż-żieda fil-popolazzjoni Adrian Delia x-Shadow Minister għas-Saħħa qal li ma nistgħux ngħidu li fl-aħħar 5 snin impurtajna 100,000 persuna sempliċiment biex jaħdmu fis-settur tas-Saħħa
Il-kriżi preżenti fil-qasam tas-saħħa mhix tolqot biss l-isptar Mater Dei, imma hemm kwistjonijiet oħra ta’ tħassib – fosthom il-250 medicina li għadhom out-of-stock. U medicini oħrajn li qed jinxtraw mill-ispiżeriji, bi spiża akbar għall-pazjenti, partikolarment l-anzjani.
//= $special ?>