Lokali Parlament

Il-pajjiż għandu bżonn mudell ekonomiku li jservi lin-nies u mhux li jisserva bin-nies


Ivan Bartolo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li s-soluzzjoni quddiem il-problemi soċjali li għandu l-pajjiż hi li jinħoloq mudell ekonomiku li jservi lin-nies u mhux jisserva bin-nies.


Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament Ivan Bartolo qal li ma jistax ikun hemm ġustizzja soċjali meta l-ħaddiema jkollhom jikkuntetaw bil-loqom għaliex meta fil-pajjiż ikun hemm l-inugwaljanza tonqos il-ġustizzja soċjali. Hu kompla li l-ġustizzja soċjali hi impenn biex tinħoloq soċjetà ġusta għal kulħadd.


Ir-riżorsi kollettivi għandhom jinġabru biex isseħħ bidla għas-sewwa fejn kulħadd ikun trattat b’rispett u b’serħan il-mod. Din hi bidla lejn soċjetà li tassigura impenn lejn l-vulnerabbli, lejn il-fqir u lejn soċjetà ħajja li tippromovi d-drittijiet tal-bniedem.


Id-deputat Nazzjonalista qal li din trid tkun bidla lejn soċjetà fejn min imexxi jagħmel dan għall-ġid tal-Maltin kollha. M’hemm ġustizzja soċjali f’soċjetà li tibqa’ taċċetta l-faqar u ma tagħrafx il-problema veru li din teżisti.


Ivan Bartolo qal li l-istima uffiċjali tas-sitwazzjoni soċjali f’Malta skont l-istatistika Ewropea turi li iktar minn 100,000 jgħixu b’inqas minn €10,879 fis-sena. Dawn il-persuni jinsabu f’riskju ta’ faqar fejn fosthom hemm 20,000 tfal u 32,000 anzjan, li jammontaw għal tlieta minn kull ħamsa.


Id-deputat Nazzjonalista qal li mill-2013 kien hemm 15.7% f’riskju ta’ faqar li telgħu għal 16% fl-2022. Hu qal li l-ġid li jitkellem dwaru l-gvern ma tqassamx b’mod ġust għax kieku dan il-persentaġġ naqas.


Hu semma’ l-għoli tal-ħajja u qal li l-maġġoranza tal-ħaddiema qed jitħallsu pagi baxxi tant li hemm riperkussjonijiet kbar fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-familji. Hu inaċettabbli li hawn min qed isir iktar sinjur u hawn minn qed jiftaħar. Hu inaċċettabbli wkoll li jingħataw €120,000 lil kummidjat barrani għal sagħtejn beix jippreżenta l-Malta Film Awards.


Is-soluzzjoni hi li jinħoloq mudell ekonomiku li jservi lin-nies u mhux jisserva bin-nies. Jeżsiti wkoll faqar fost il-barranin li jgħixu fil-pajjiż li ġew imqarqa qabel ġew Malta. Dawn jgħixu fi skjavitu u miżerja.
Il-ġustizzja soċjali ma ssirx mingħajr integrazzjoni, sostna Ivan Bartolo, li kompla li Malta ma tgħarafx id-dritt ta’ protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali jew għall-akkomodazzjoni soċjali tal-Karta Soċjali Ewropea.