Paula Mifsud Bonnici, PN
Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjani Paula Mifsud Bonnici qalet fil-parlament li l-pajjiż jeħtieġ pjan dwar l-effetti taż-żieda fl-anzjani fil-pajjiż.
Paula Mifsud Bonnici qalet li qalet li l-gvern hu staġnat fl-ideat tant li qed jikkritika biss lill-Oppożizzjoni. Dan hu gvern li issa ilu iktar minn 11-il sena u fok joffri s-soluzzjoniiet jibqa’ jwaħħal fi gvernijiet Nazzjonalisti. Hi semmiet id-dejn u qalet li llum id-dejn ilaħħaq iktar minn €9 biljun u sar mażżra mal-familji Maltin.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport għall-2024 li fih trattat l-isfidi kbar u imminenti ta’ Malta dwar l-anzjanità u żieda fl-età medja tal-popolazzjoni. Paula Mifsud Bonnici sostniet li dan hu rapport ta’ twissija u jitratta x’ikun qed iseħħ fl-UE jekk il-politika ta’ kull gvern tibqa’ kif inhi.
Dan ir-rapport juri lid-dħul nazzjonali ta’ Malta se jkompli jikber bi 2.1% u li kien hawn żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-aħħar snin.
Paula Mifsud Bonnici kompliet li l-gvern semma’ biss dawn il-punti u injora l-aspetti kollha u l-isfidi li hemm quddiem il-pajjiż. Dan hu gvern bla pjan, bla strateġija u bla ħeġġa biex jassigura li l-poplu jgħix kwalità ta’ ħajja tajba.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li r-rata ta’ fertilità fil-pajjiż hi l-inqas waħda fl-UE fejn fl-2021 kienet 1.13 biss. Dan qed iwassal biex il-popolazzjoni tal-anzjani se tkompli tikber iżda l-gvern m’hu jagħmel xejn biex jinċentiva iktar persuni jsiru ġenituri u l-familji Maltin ikomplu jikbru.
Aspett inkwetanti ieħor hu l-età medja li hi 80 sena fl-irġiel u 84 sena għan-nisa fejn r-rapport jgħid li din se tkompli tgħola għal 90 sena fin-nisa. Din se ġġib iktar sfida b’livell ogħli ta’ dipendenza fuq l-anzjani. Il-gvern għandu jinvesti b’diversi servizzi ta’ kura fil-komunità biex l-anzjani jibqgħu jixjieħu fi djarhom.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li fil-pajjiż sal-2070 se jkun hawn problemi fis-servizzi tas-saħħa; liema servizzi m’humiex se jkunu qed ilaħħqu mal-popolazzjoni tal-pajjiż.
Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-pajjiż qed ifalli fis-settur tal-anzjani u l-mod kif dawn qed ikunu tratti għaliex l-anzjani qed ikunu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi. Is-servizzi tas-saħħa għall-anzjani f’Mater Dei huma ta’ livell inferjuri b’anzjani jdumu siegħat twal fl-Emerġenza, anzjani li ma jindukrahom ħadd waqt li l-appuntamenti tal-anzjani dejjem jitwalu.
Paula Mifsud Bonnici qalet li dawn l-anzjani lanqas jistgħu jirrikorru fuq servizzi privati għaliex mhumiex koperti b’polza ta’ assigurazzjoni u għalhekk hu l-obbligu tal-gvern li jipprovdi dawn is-servizzi. Hi enfażzizat l-importanza li ż-żgħażagħ tal-lum ikollhom pensjoni fil-futur iżda anki dwar dan il-gvern mhu jagħmel xejn u m’għandu l-ebda strateġija.
Fid-diskors tagħha, Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-anzjani qed jiffaċċjaw problemi kbar bl-għoli tal-ħajja u enfażizzat li huma propju l-anzjani l-aktar kategorija fis-soċjetà li qed ikunu effettwati negattivament b’din il-problema kbira. Huma propju l-ikel u l-mediċini li fihom kien hemm żidiet kbar fil-prezzijiet. Ħafna anzjani m’humiex qed ilaħħaq mal-ħajja u huma esklużi mill-bqija tal-ħajja. Illum ħafna anzjani qed ikollhom jagħżlu l-irħas ikel għaliex ma jaffordjawx.
Dwar il-mediċini, Paula Mifsud Bonnici qalet li l-gvern jigdeb meta jgħid li m’hawn l-ebda mediċina li hi out of stock. Jigdeb kemm jigdeb il-gvern, l-anzjani jafu b’din is-sitwazzjoni, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li anzjani kienu ordnati minn Mater Dei biex jixtru l-mediċini.
Il-gvern għandu jara li l-istudenti jagħżlu li jaħdmu mal-anzjani, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li flok jinvesti fil-ħaddiema, il-gvern qed jieħu lill-istess ħaddiema mill-privat.