Il-Gvern, li suppost ikun sensibbli u jara li dejjem jipproteġi l-ambjent ta’ madwarna fit-taqtigħa kontinwa bejn il-progress u l-preservazzjoni tal-ambjent naturali, qed jasal għal deċiżjonijiet li jikkawżaw sfreġju ambjentali. Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa illum minn Rebekah Borg, Shadow Minister għall-Ambjent, Joe Giglio, Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u Alex Borg Shadow Minister għal Għawdex.
Wara li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat il-proġett infrastrutturali fuq applikazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex biex titwessa’ t-triq li tagħti minn Marsalforn għar-Rabat Għawdex bla bżonn, l-ERA ħadet deċiżjoni favur li fl-istess triq jitneħħew jew jiċċaqilqu iżjed minn 200 siġra. Siġar ġodda li se jitħawlu minflok dawk li mhux possibbli jkunu rilokati m’humiex se jissostwixxu faċilment l-impatt ambjentali pożittiv ta’ siġar maturi.
Hu ċar li fil-politika tal-Gvern, il-ħarsien ambjentali jingħata anqas prijorità mill-karozzi u t-tarmak. Il-ħafna diskorsi fuq kemm għandna nagħtu importanza lis-settur agrikolu u s-siġar, li huma l-pulmuni tal-gżejjer Maltin, jistonaw meta mqabbel mal-azzjonijiet li bihom iwettaq il-politika l-Gvern Laburista.
Li nieħdu ħsieb l-art agrikola u l-ħdura ambjentali għandha tkun prijorità assoluta għall-Gvern ta’ pajjiżna.
//= $special ?>