Internazzjonali

Ir-Russja: Ir-Renju Unit f’azzjono proattiva kontra l-uffiċjali tal-ħabs fejn miet Navalny

Ir-Renju Unit iffriża l-assi ta’ sitt uffiċjali tal-kumpless tal-ħabs fis-Siberja fejn, jiem ilu, miet il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny, taħt ċirkustanzi misterjużi.

Dan ukoll meta l-Mexxejja tal-Punent qed jgħidu li l-mewt ta’ Navalny – kritiku kbir tal-President Russu Vladimir Putin u li kien ukoll xewka kbira f’dahar il-Kremlin – kien kollu dovut għall-awtoritajiet Russi, kif ukoll għal Vladimir Putin, li kellu mibgħeda speċjali għall-Kap tal-Oppożizzjoni.

It-Tmexxija f’Londra hi l-ewwel Gvern tal-Punent li qed jirreaġġixxi b’mod konkret u proattiv għat-telfa ta’ Navalny — u meta l-uffiċjali Russi suġġetti għas-sanzjonijiet huma wkoll projbiti milli jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Lord David Cameron, qal li l-uffiċjali Russi li huma responsabbli għall-mewt ta’ Navalny għandhom iżommu f’moħħhom dejjem li jridu jinżammu kontabbli għal għemilhom.

Il-Gvern fir-Renju Unit anki sejjaħ biex il-katavru ta’ Navalny jingħata lura lil martu u lil qrabatu u biex ir-Russja tinvestiga mewtu bir-reqqa u b’mod trasparenti. Dan ukoll meta l-għeżież ta’ Navalny għadhom s’issa mingħajr informazzjoni dwar il-lokalità tal-katavru.

Meta ħabbar is-sanzjonijiet, Lord Cameron qal li hu ċar daqs il-kristall li l-awtoritajiet f’Moska kienu jqisu lil Navalny bħala theddida kbira u kemm-il darba pruvaw jagħlqulu ħalqu. Hu żied li ħadd ma għandu jiddubita n-natura oppressiva tas-sistema Russa, speċjalment fejn tidħol il-libertà tal-kelma.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, qal li r-Renju Unit u l-alleati tiegħu qed jikkunsidraw l-għażliet kollha miftuħa quddiemhom biex Putin u l-Kremlin, ‘il quddiem, jagħmlu l-kontijiet mal-ġustizzja.

Alexei Navalny, magħruf bħala l-politiku ‘anti-Putin’, kien qed jiskonta 19-il sena priġunerija wara li spiċċa kundannat għal numru ta’ reati xprunati minn motivazzjoni politika. Intant, il-kelliema għall-ħabs ta’ sigurtà massima fejn kien qed jinżamm Navalny qalu li hu miet nhar il-Ġimgħa meta ħassu ħażin wara passiġġata.

U waqt li l-familja ta’ Navalny se jkollha tistenna fit-tul biex tieħu lura l-katavru, l-attivisti madwar il-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikomplu jinsistu li Alexei Navalny inqatel fuq l-ordnijiet speċifiċi ta’ ħadd aktar ħlief Vladimir Putin innifsu.

Sanzjonijiet mill-UE għall-kumpanniji li qed jgħinu lir-Russja

L-Unjoni Ewropea, sadanittant, qablet biex timponi rawnd ġdid ta’ sanzjonijiet għar-Russja u li għall-ewwel darba huma diretti għall-kumpanniji fiċ-Ċina suspettati b’li għenu lill-Kremlin ta’ Moska biex jikseb il-materjal ipprojbit mill-Punent.

Is-sanzjonijiet qed jikkonċentraw fuq l-aġir tal-kumpanniji madwar id-dinja li qegħdin jippruvaw jiżgiċċaw mis-sanzjonijiet u li huma akkużati b’li provdew lil Moska b’teknoloġija avvanzata minbarra tagħmir militari – inklużi komponenti tad-drones – manifatturati fl-Istati tal-UE.

Il-kumpanniji fit-Turkija u l-Korea ta’ Fuq, fost pajjiżi oħra, huma wkoll suġġetti għas-sanzjonijiet u bir-rapporti jgħidu li kważi 200 persuna u entità, issa, żdiedu mal-‘blacklist’ tal-UE, li tinkludi aktar minn 2,000 isem.