Atletika Sport

Josef Bonavia u Danica Bonello Spiteri jirbħu l-Kampjonati Nazzjonali tad-Duathlon ta’ BSJSC

Josef Bonavia u Danica Bonello Spiteri rebħu l-Kampjonati Nazzjonali tad-Duathlon organizzati minn Birkirkara St Joseph Sports Club fi Fleur de Lys taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon, u li kienet l-ewwel kompetizzjoni fil-kalendarju tat-tlielaq tal-2024.

It-tellieqa kienet tikkonsisti minn ġirja ta’ 8 km (3 dawriet), ċirkwit ta’ 30 km (12-il dawra) u ġirja ta’ 5km (2 dawriet), b’parteċipazzjoni tajba u numru ta’ atletli li kienu qed jissieltu għat-titlu ta’ Champion tad-Duathlon.

Il-favorit tat-tiġrija Keith Galea telaq b-vantaġġ mill-bidu u żamm distakk notevoli fuq Josef Bonavia, Steve Ritchie, u Roberto Briffa matul il-ġirja ta’ 8km. Galea kompla b’dan il-vantaġġ għall-biċċa l-kbira tat-tappa taċ-ċikliżmu ta’ 30km, minkejja li t-tlieta l-oħra ppruvaw inaqssu d-distakk.

Żball minn Galea li daħal fiż-żona ta’ transizzjoni wara 10 dawriet flok 12 swietu it-tellieqa. Galea li kien diġa’ beda l-girja ta’ 5km nduna bl-iżball u dar biex spiċċa t-taqsima tar-rota.

Bonavia, Ritchie u Briffa approfittaw minn dan l-iżball fejn Bonavia rebaħ it-tellieqa b’distakk ta’ żewġ sekondi fuq Ritchie. Galea, determinat li jpatti għall-iżball għeleb lil Briffa – b’ distakk ta’ seba’ sekondi biex kiseb it-tielet post.

Il-kategorija tan-nisa kienet iddominata minn Krista Kuusijarvi b’vantaġġ fuq Danica Bonello Spiteri li temmet fit-tieni post qabel Lindsey Zammit.

Minħabba li l-kompetizzjoni kienet Kampjonati Nazzjonali tad-Duathlon, it-titlu mar għal Bonello Spiteri minħabba li dan huwa riservat għal Ċittadini Maltin.

Organizzat ukoll avveniment relay, li ntrebaħ minn Team H magħmul minn Alexander Schembri (Ġirja) u Nicholas Schembri (Rota), segwit minn Team B – Mark Lewis (Ġirja), Steve Sciberras (Rota) u Team I – Adrian Zahra (Ġirja), Gesred Borg (Rota).

It-trofej kienu ppreżentati lir-rebbieħa mill-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Klabb, Joseph Farrugia.