– Jerome Caruana Cilia, PN
L-ambjent u l-ekonomija jistgħu jixmu id f’id, u waħda mhux neċessarjament tkun kontra l-oħra. Anzi, ambjent b’saħħtu huwa rekwiżit ta’ ekonomija b’saħħitha biex il-poplu jgħix aħjar.
Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia hekk kif fil-Parlament kompliet id-diskussjoni dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia spjega kif l-ambjent huwa element fundamentali tal-Brand Malta, jiġifieri dawk l-aspetti li fuqhom pajjiżna kapaċi jħajjar aktar investiment, kemm mill-Maltin kif ukoll mill-barranin. Żied jgħid ukoll li huma l-istess sidien ta’ negozji Maltin u Għawdxin, iżda anke investituri barranin, li jiġbdu l-attenzjoni fuq kif l-ambjent ta’ pajjiżna mar lura fl-aħħar snin.
“Dan seħħ għaliex kien hawn nuqqas ta’ pjanar, nuqqas ta’ viżjoni u mudell ekonomiku li mhux sostenibbli”, sostna Jerome Caruana Cilia. Hu żied jgħid li l-Gvern Laburista qatt ma ħaseb fit-tul, bil-konsegwenzi li dan kollu kellu fuq l-ambjent, fuq in-nuqqas ta’ spazji miftuħa u l-impatt li dan kollu ħalla fuq is-saħħa, inkluż dik mentali”.
Fid-diskors tiegħu, Jerome Caruana Cilia aċċenna wkoll għat-tema ta’ finanzjament sostenibbli, u kwota stħarriġ ta’ EY li sab li fejn jidħlu l-miri f’din il-qasam, pajjiżna għadu ferm lura u spjega kif dan ċertament mhux se jattira l-investiment lejn pajjiżna.
L-importanza tal-ambjent għall-investituri hu ċċertifikat f’dan l-istess stħarriġ, hekk kif l-istess investituri semmew l-istat tal-ambjent naturali tagħna, flimkien mal-ambjent mibni, it-trasport tal-massa u s-sistema edukattiva fost l-elementi l-aktar important biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv fuq livell globali. Hawn id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia aċċenna wkoll għall-qafas tal-ESG, li llum il-ġurnata sar ta’ importanza dejjem ikbar f’kull qasam ekonomiku, u fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu kemm il-darba tkellem fuq dan is-suġġett, anke qabel l-elezzjoni li għaddiet, minkejja li l-Gvern Laburista kien jidher li xejn ma jinteressah dan id-diskors, u saħansitra prova jirredikolah dwaru.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia temm id-diskors tiegħu b’appell lejn il-Gvern biex verament jistinka għal mudell ekonomiku sostenibbli. “B’ippjanar tajjeb, b’rieda ġenwina u bl-involviment tal-istakeholders kollha, dawn iż-żewg aspetti, l-ekonomija u l-ambjent mhux talli m’għandhomx ikunu kontra xulxin, imma talli għandhom ikunu kumplimentari għal xulxin”. Hu qal li ambjent aħjar jista’ jwassal għal ekonomija li tikber b’mod sostenibbli u li verament ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.