F’ruling l-Ispeaker Anġlu Farrugia ordna lill-PBS biex jikkoreġi l-mod skorrett li bih irrapporta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fid-dibattitu parlamentari dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar il-Klima.
Kien il-Kap tal-Opożizzjoni Bernard Grech li fis-seduta tal-bieraħ ressaq talba għal intervent mill-Ispeaker dwar rappurtaġġ skorrett tal-PBS tad-diskors li hu għamel fil-parlament fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda li ddiskutiet l-Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima.
Fir-rapportaġġ dwar dan id-diskors il-PBS għawweġ siltiet minn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u allega li l-Kap tal-PN kien qal li t-tibdil fil-klima hu ostakolu għat-tkabbir ekonomiku. Dan meta fid-diskors tiegħu l-Kap tal-PN qal propju l-oppost u sostna li t-tibidil fil-klima mhuwiex ostaklu għall-ekonomija anzi kumplimentari.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li r-rappurtaġġ tal-parlament għandu jkun preċiż għal dak li jintqal fid-dibattitu parlamentari u ordna lill-PBS biex jikkoreġi t-titlu tar-rapport imxandar dwar id-diskros tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Isepaker sostna wkoll li r-rapport tal-PBS għandu jirrifletti dak li veramnet qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk is-sentenza kollha li ffoka fuqa l-Kap tal-Oppożizzjoni tkun imxandra mill-PBS.
Fl-istess seduta l-Ispeaker ta ruling ieħor mitlub mid-Deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott dwar dak li seħħ fis-seduta tal-PAC tal-bieraħ it-Tlieta 20 ta’ Frar 2024 fejn id-deputati tal-Oppożizzjoni sostnew li l-Gvern kien waqqafhom milli jressqu rapport ieħor tal-Awditur Ġenerali għad-diskussjoni fil-parlament.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li huma l-membri tal-istess PAC li jirregolaw il-mod kif dan il-kumitat parlamentari jaħdem.