Talanqas 60 suldat tar-Russja nqatlu waqt li kienu f’zona ta’ taħriġ, fir-reġjun ta’ Donetsk (lejn il-Lvant tal-Ukrajna) u li hu okkupat mill-militar tal-Kremlin. Is-suldati sfaw vittmi tal-missli sparati mill-qawwiet Ukreni, bl-inċident iseħħ ftit qabel laqgħa, f’Moska, bejn il-President tar-Russja, Vladimir Putin u l-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu,
Ir-rapporti qalu li t-truppi Russi, fil-ħin tal-attakk, kienu qed jistennew il-wasla ta’ kmandant ewlieni tal-Armata. U s-sorsi fl-inħawi qalu li s-suldati spiċċaw’mira perfetta’ għall-missili wara li l-uffiċjali kienu ordnawlhom biex jibqgħu għal żmien twil bilwieqfa f’nofs għalqa kbira.
Intant, l-uffiċjali militari Russi konfermaw l-attakk fuq it-truppi filwaqt li fissru r-rapporti dwar il-mejtin bħala ‘ferm eżaġerati’.
Dan ukoll waqt li Sergei Shoigu, fl-aħħar sigħat, tkellem dwar is-suċċessi militari tal-qawwiet tiegħu f’diversi fronti tal-gwerra, fost il-ftaħir dwar il-ħtif tal-belt Ukrena ta’ Avdiivka mit-truppi tal-Kremlin. Sadanittant, Shoigu ma għamel l-ebda referenza għall-effett tal-missili sparati lejn is-suldati Russi fiz-zona tat-taħriġ ta’ Donetsk.
//= $special ?>