Lokali

LifeCycle Malta Foundation tiġbor €154,645 fl-2023 b’risq pazjenti b’mard tal-kliewi

LifeCycle (Malta) Foundation ospitat lejla speċjali nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Frar biex tiċċelebra tragward importanti hekk kif ħabbret li nġabret is-somma ta’ €154,645 permezz tal-inizjattivi tagħha ta’ ġbir ta’ fondi fl-2023.

Dan tħabbar mill-Fundatur u Chairman tal-LifeCycle (Malta) Foundation Alan Curry fl-avveniment li għalih attendew il-parteċipanti tal-LifeCycle Challenge u LifeWalk 2023 u tal-edizzjonijiet preċedenti, voluntiera, sponsors, pazjenti morda bil-kliewi u nies li taw donazzjoni tal-organi. Huma nġabru għal din il-lejla speċjali fi spirtu ta’ sodisfazzjon, gratitudni u ottimiżmu – spirtu li jsaħħaħ l-impenn tagħhom għall-missjoni li jiġu megħjuna pazjenti b’mard tal-kliewi, titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi u tappoġġja r-riċerka medika f’dan il-qasam.

Il-Ġimgħa, saret ukoll preżentazzjoni ta’ ċertifikati u unuri, li fiha ġie rikonoxxut u onorat il-kontribut tal-parteċipanti tal-LifeCycle Challenge 2023. Iċ-ċiklisti kollha u l-membri tat-tim ta’ back-up li ħadu sehem fl-isfida tal-LifeCycle ta’ għaxart ijiem mit-Tajlandja sal-Malasja ngħataw rigal żgħir ta’ tifkira.

Francesca Garbe rċeviet il-Jack Bowen Award ta’ din is-sena, li jingħata liċ-ċiklist li jħaddan b’mod speċjali l-ispirtu tal-isfida kif ukoll li juri spirtu ta’ tim u prestazzjoni eċċezzjonali.

F’kumment dwar l-avveniment, Alan Curry qal: “Dan huwa mument fejn nieqfu biex nirriflettu fuq il-kisba taċ-ċiklisti tagħna, li jagħżlu li jittestjaw il-ħila sportiva u r-reżiljenza tagħhom f’isem il-filantropija. Hija wkoll opportunità biex nirriflettu dwar kemm il-LifeCycle (Malta) Foundation imxiet il-quddiem sa mill-bidu tagħha u biex nagħrfu l-impatt tanġibbli li nistgħu nagħmlu fuq il-ħajja tal-pazjenti tal-kliewi permezz tal-isforzi tagħna. Sadanittant, hekk kif nieqfu għal waqfa qasira bejn sfida u oħra, il-pazjenti tal-kliewi jkomplu bil-ġlieda tagħhom ta’ kuljum.”

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101 fost oħrajn.