Redeemer Camilleri ta’ 29 sena mill-Marsa wieġeb mhux ħati li kkommetta serq ta’ parts jew aċċessorji minn vetttura fil-Marsa. Huwa ġie akkużat ukoll li allegatament wettaq madwar sitt serqiet minn ħwienet fil-Ħamrun.
L-avukat difensur talab għal ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha. Id-difiza qalet li Camilleri għandu mpjieg u anke s-sapport assolut minn naħa tal-familja tiegħu.
Qal ukoll li l-imputat għandu l-vizzju tad-droga u għalhekk jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, jeħtieg li l-imputat jingħata l-għajnuna neċessarja sabiex jegħleb il-vizzju.
Il-prosekuzzjoni oggezzjonat minħabba li wettaq diversi reati gravi ta’ serq u attentat ta’ serq, liema serq waqaf għax waqfuh terzi persuni fuq il-post. L-ispettur qal li hemm ukoll il-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi minħabba li t-tfajla tiegħu se tkun qed tixhed fil-konfront tiegħu.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewg partijiet l-qorti preseduta mill-Magistrat Astrid May Grima qalet li l-imputat għandu bżonn tbeżbiża, iktar u iktar fl-isfond li l-familjari qed jagħmlu minn kollox biex jgħinuh.
Kien għalhekk li l-qorti ċaħdet it-talba għal-ħelsien mill-arrest filwaqt li rrakomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha neċessarja kemm dik medika u anke psikoloġika sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Ian Vella u l-avukat mill-uffiċċju tal-avukat generali Martina Vella. Għall-akkużat deheru l-avukat Franco Debono u Adreana Zammit.
//= $special ?>