Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna lill-Prim Ministru, li fid-diskors tiegħu qed jindika li ma jridx jinvesti aktar fil-Forzi Armati ta’ Malta. Bil-kontra ta’ dak li qed jipprova jinstiga l-Prim Ministru, l-investiment fid-difiża u fil-Forzi Armati ta’ pajjiżna hu investiment fil-paċi f’pajjiżna u l-madwar.
L-aġir u l-ipokrezija tal-Prim Ministru huma irresponsabbli u perikolużi ħafna fis-sitwazzjoni internazzjonali delikata ta’ bħalissa, fosthom l-invażjoni illegali mir-Russja f’pajjiż sovran.
Hu irresponsabbli li l-Prim Ministru qed jagħżel li juri żewġt uċuħ, li qed iħallu impatt fuq l-integrità ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali. L-attakk li fetaħ fuq il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għandu xamma ta’ partiġġjaniżmu bla rażan.
Quddiem theddida għas-sigurtà fil-pajjiżi Ewropej u madwarna, Roberta Metsola qed tisħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun kapaċi tiddefendi lilha nnifisha u l-valuri demokratiċi tagħha. Robert Abela, minflok iħares l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ pajjiżna, qed iħares biss minn lenti ta’ aħmar kontra blu.
Il-Prim Ministru qed ikun ipokrita. Qed jagħmel l-arja f’pajjiżna u jinsulenta b’argumenti partiġġjani u mbagħad jispiċċa jbiddel id-diska fil-fora Ewropej, inkluż meta jiddiskutu d-difiża u sigurtà, madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet.
L-inkonsistenza, l-ipokrezija u n-nuqqas ta’ serjetà ta’ Robert Abela huma ta’ theddida għas-sigurtà u d-difiża ta’ pajjiżna.
Dan intqal fi stqarrija minn Darren Carabbot ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurta u r-Riformi u Beppe Fenech Adami x-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
//= $special ?>