Lokali

Tinkixef il-maskra ta’ Robert Abela

Il-maskra tal-Labour issa nkixfet.

Wara jiem ta’ attakki u gideb mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ministri u minn MEPs Laburisti kontra l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, issa inkixef kif il-Labour jgħid ħaġa u fil-verita’ qed jagħmel ħaġa oħra.

Kien is-sit LovinMalta illi kixef l-ipokresija tal-Prim Ministru Robert Abela – li f’Malta jgħid li ma jridx jinvesti fl-armata, waqt li meta jmur Brussell fil-Kunsill Ewropew, jappoġġja kull deċiżjoni li ttieħdet biex tissaħħaħ id-difiża tal-Unjoni Ewropea.

 Fi Brussell, il-Prim Ministru qabel  li l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi sigurtà fid-dinja u li l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-investiment fid-difiża.

Robert Abela qabel ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-kapaċita’ tagħha li tiddefendi ruħha u li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha difiża b’saħħitha li tkun reżiljenti u lesta għal dak li jista’ jinqala

Diskors li għax qalitu Roberta Metsola, sfat attakkata bl-aħrax mill-istess Robert Abela. Diskors li l-istess Abela appoġġja fi Brussell. Fil-fatt, Roberta Metsola kixfet l-ipokresija tal-Prim Ministru.

Sadanittant, id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis wkoll qed jaqbel mal-pożizzjoni ta’ Roberta Metsola u tal-Unjoni Ewropea, biex ikun hemm aktar investiment fid-difiża. Zammit Lewis qal dan f’artiklu li kiteb fuq it-Times of Malta f’Mejju tal-2022. Issa, mas-sit Lovin Malta, Zammit Lewis żied jgħid li “Biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ relevanti, dik hi t-triq ‘il quddiem.” U f’battuta lil Abela, qal li għadu jemmen dak li kiteb.

Fl-aħħar siegħat, anke l-ġurnal The Times kompla jagħti raġun lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta fl-editorjal tal-Erbgħa, qal li l-Unjoni Ewropea trid tkun lesta biex tipprovdi s-sigurta’ tal-Ewropej u ma tistax tibqa’ torbot fuq l-Istati Uniti. Diskors li qed isostnuh b’mod responsabbli kemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.